L-attakkant ta’ Real Madrid, Luka Jovic, issiġilla trasferiment ħieles mal-club tas-Serie A, Fiorentina.
Il-club Taljan ilu jaħdem fuq ftehim biex jakkwista lill-internazzjonali Serb f’Firenze mill-bidu tax-xahar.
Jovic tħabat biex jagħmel impatt f’Madrid wara li kien ingħaqad magħhom fl-2019 mingħand Eintracht Frankfurt.
It-total tiegħu ta’ 40 goal fi 93 logħba fil-Ġermanja ħajjar lil Los Blancos biex jagħmlu mossa għalih iżda huwa se jħalli l-kapitali Spanjola b’ritorn miżeru ta’ tliet goals f’51 dehra fil-football Spanjol.
Il-ftehim jirrappreżenta telf finanzjarju kbir għal Madrileni wara li ħallsu £56 miljun biex jieħduh magħhom.
Madankollu, skond l-espert tat-trasferimenti, Fabrizio Romano, Real Madrid inkludew klawsola ta’ bejgħ ta’ 50% fil-ftehim, biex jippermettu li Fiorentina jevitaw li jħallsu miżata ta’ trasferiment.
Real Madrid se jżommu għajnejhom mill-qrib fuq il-progress ta’ Jovic fl-Italja hekk kif qed ifittex li jerġa’ jpoġġi l-karriera tiegħu fit-triq it-tajba.