Sunday, November 24, 2024

Lukaku ddedika l-goal kontra Udinese lil Atsu

Aqra wkoll

L-attakkant ta’ Inter, Romelu Lukaku, iddedika l-goal tiegħu kontra Udinese lill-eks sieħbu Christian Atsu: ‘Din hija waħda diffiċli biex tieħu.’

Is-Sibt filgħaxija l-attakkant Belġjan fetaħ il-kont għan-Nerazzurri kontra Udinese fir-rebħa li huma kisbu 3-1. Kien l-ewwel goal tiegħu f’San Siro wara 636 jum wara l-aħħar wieħed tiegħu fl-2021.

Lukaku pponta subgħajh lejn is-sema, u ddedika l-goal tiegħu lil Atsu, wieħed mill-eks sħabu f’Everton.

Il-katavru ta’ Atsu nstab kważi ġimagħtejn wara t-terremot li laqat lit-Turkija u s-Sirja, u qatel aktar minn 40,000 ruħ.

Lukaku poġġa l-istampa taċ-ċelebrazzjoni tiegħu fuq il-midja soċjali, flimkien ma’ ritratti oħra ma’ Atsu.

“Ħija strieħ. Din hija waħda diffiċli biex tieħu,” kiteb Lukaku fuq Instagram.

“Kienet tal-għaġeb li tkun madwarek. Int umiltà u mħabba għal Alla, il-mod kif ħdimt fit-taħriġ. L-imħabba li kellek għall-familja tiegħek u t-tfal. J’Alla l-Mulej jagħti s-saħħa kollha lit-tfal u lill-familja tiegħek… Alla jbierek ir-ruħ tiegħek. Inħobbok dejjem.”

Id-difensur ta’ Juventus, Danilo, sellem ukoll lil Atsu fuq il-midja soċjali kif ukoll Antonio Conte, li kien coach tal-internazzjonali tal-Ghana għal ftit ġimgħat ma’ Chelsea fl-2016.

Fuq jidhru Lukaku u Atsu meta kien ma’ Everton.

Sport