L-attakkant ta’ Chelsea, Romelu Lukaku skuża ruħu pubblikament għat-“taqlib li kkawża” billi ssuġġerixxa li ma kienx kuntent fi Stamford Bridge.
Il-Ħamis li għadda, il-player li ġie akkwistat minn Chelsea fis-sajf ta’ £97.5m insinwa li ried jassigura ritorn ma’ Inter fil-futur qrib, u sostna li ma kienx kuntent bis-’sitwazzjoni attwali tiegħu’ ma’ Chelsea.
Il-manager tal-Blues Thomas Tuchel neħħa lil Lukaku mill-iskwadra tiegħu għall-partita tal-Premier League tal-Ħadd kontra Liverpool, qabel iddikjara nhar it-Tlieta li l-player ta’ 28 sena kien irritorna fil-grupp qabel il-partita tal-EFL Cup tal-Erbgħa ma’ Tottenham Hotspur.
Fil-konferenza stampa tiegħu ta’ qabel il-partita, Tuchel żvela li l-Belġjan kien skuża ruħu għall-intervista mogħtija lil Sky Sport Italia u kien determinat li ‘jirranġa l-ħsara li setgħet saret bil-kummenti tiegħu’.
Sitt sigħat wara, it-Tlieta filgħaxija, Chelsea ppubblikaw filmat ta’ 41 sekonda fejn Lukaku jidher jiskuza ruħu għall-kummenti tiegħu u jesprimi x-xewqa li jsaħħaħ l-impenn tiegħu mal-club minn Londra.