Dan is-sit tkellem mal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti f’Malta (MHRA) dwar l-iskema ġdida ta’ rivużjoni ta’ fliexken u kontenituri tax-xorb, il-“Beverage Container Refund Scheme” (BCRS), fejn qalulna li din hija inizjattiva ambjentali li kulħadd huwa konxju li jrid isir xi ħaġa. Fil-previżjonijiet tagħha l-MHRA tara xi diffikultajiet normali b’mod speċjali fil-bidu, iżda hija qiegħda hemm biex tgħin.
Bħala process, il-President tal-Assoċjazzjoni kien appunta tliet membri mill-Kunsill li kienu f’kuntatt kontinwu mal-BCRS fejn saru għadd ta’ laqgħat u korrispondenza bil-għan li jaraw u jifhmu x’tirrikjedi inizjattiva bħal din. L-MHRA riedet tara l-limitazzjonijiet u l-pressjoni li tinħoloq meta tkun introdotta skema bħal din f’industrija li tuża ħafna fliexken u kontenituri tax-xorb li jridu jiġu reċiklati f’magni apposta li għad iridu jitpoġġew.
Din l-Assoċjazzjoni kienet għamlet ukoll studju u analiżi biex tara l-ħtiġijiet tal-lukandi u ristoranti, speċjalment dawk il-kbar. Fost arranġament li diġà għamlet bi ftehim bejn il-Kunsill tal-MHRA mal-kumpanija BCRS hemm dak li f’lukandi kbar li f’sena jkollhom ammont ta’ kontenituri li jaqbeż il-500,000 u iżjed, ikun hemm magna installata fil-lukanda stess. Min-naħa l-oħra, dawk li ma jilħqux din il-kwota, il-lukandi fil-viċin se jkollhom magna waħda biex tintuża bejniethom.
Fil-każ ta’ lukandi żgħar u ristoranti, dawn mhux se jkollhom magna disponibbli fuq il-post. Sadanittant, sakemm jitwaħħlu l-magni fis-siti, sar arranġament mal-BCRS biex il-kontenituri jinġabru minn fuq il-post f’boroż li ġew ipprovduti lilhom. Kull waħda minn dawn il-boroż apposta tesa’ 120 kontenituri.
Din l-Assoċjazzjoni qalet li minħabba li din l-iskema għad trid tiġi introdotta, għadu mhux magħruf kif eżattament se jmorru l-affarijiet. Fost l-isfidi li din qiegħda tara li jista’ jkun hemm dak ta’ l-iskariġġ biex jitfgħu l-kontenituri fil-magni f’sitwazzjoni ta’ limitazzjonijiet fir-riżorsi umani; ħtieġa ta’ spazju biex iżommu l-kontenituri vojta; ħtieġa li l-bottijiet u fliexken jinżammu intatti ħalli jkunu jistgħu jingħarfu mill-magna; il-problema meta l-fliexken li jittieħdu mill-klijenti; kif ukoll il-possibbiltà li jkollhom issibu alternativa għal dawk il-fliexken fosthom tal-ilma li jingħataw b’xejn lill-klijenti li jikru kamra f’lukanda.
L-MHRA qalet li hemm ħafna x’wieħed irid jaħseb u huma jridu jaraw kif se jiffunzjonza kollox. “Irridu nkunu innovattivi, kif ukoll innaqsu l-ħela u anke s-serq biex ma niġux kif konna qabel meta kien hemm min kien jiġbor il-fliexken ħalli jieħu l-flus tagħhom. Għamilna sessjonijiet u anke stħarriġna kif jagħmlu barra minn Malta. Bħal kull inizjattivi oħra, se jkun hemm l-isfidi inizjali. Din hija xi ħaġa normali ħafna. Bħala MHRA qegħdin naħdmu sew ma’ BCRS bil-għan li flimkien insibu bilanċ u nemmnu li naslu,” temmet din l-Assoċjazzjoni.
Sadanittant l-MHRA ħeġġet lil dawk l-intrapriżi, partikolarment lukandi u ristoranti li għadhom mhux irreġistrati, biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibli bil-għan li huma wkoll ikunu jistgħu jiddepożitaw il-fliexken u l-kontenituri tagħhom fil-magni apposta u jieħdu l-flus tagħhom.