Minn Cristian Muscat
F’sena li fiha GREE Żurrieq Wolves Hotsticks HC qed jiċċelebraw 50 sena mit-twaqqif tagħhom fl-1975, wieħed mill-ismijiet li jispikka bla dubju huwa dak ta’ Lukas Plaehn. Plejer ta’ esperjenza kbira, b’passjoni ċara lejn il-logħba u mentalità kompetittiva, Plaehn illum huwa wieħed mill-pilastri tat-tim kemm fil-kampjonat lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali.
F’din l-intervista li dan is-sit ħa miegħu, Lukas jitkellem dwar l-andament tal-istaġun, il-proċess ta’ bini mill-ġdid tat-tim, l-ambizzjonijiet għall-kampjonat u l-isfida Ewropea li tistenna lill-Wolves f’Mejju li ġej.
Meta staqsejnieh kif qed jara l-kampjonat s’issa, Plaehn kien ferm realistiku. “S’issa qed narah b’mod pożittiv, imma realistiku. Bdejna nerġgħu nibnu mill-qiegħ. Daħħalna plejers ġodda u qed nagħtuhom spazju biex jikbru u jadattaw għal-livell tal-kbar.”
Hu jispjega li l-bidla ma sseħħx mil-lejl għan-nhar. “Meta ddaħħal elementi ġodda, trid tkun paċenzjuż. Imma naraw kambjament tajjeb, kemm fl-intensità kif ukoll fl-organizzazzjoni tagħna fuq il-pitch. L-istruttura qed issir aħjar u dan jagħtina fiduċja għall-bqija tal-istaġun.”
Il-Wolves diġà wrew is-saħħa tagħhom f’logħob riċenti, inkluż rebħa dominanti ta’ 10-0 kontra White Hart ftit tal-jiem ilu fil-ġlieda għall-Kampjonat Nazzjonali, sinjal ċar tal-potenzjal li għandu dan il-grupp.
Għal Plaehn, il-messaġġ għas-segwaċi ta’ dan it-tim huwa wieħed sempliċi u dirett. “Irridu nippruvaw nisfidaw għall-kampjonat. Dak hu t-tir tagħna. Aħna nidħlu biex nikkompetu u nkunu wieħed mit-timijiet sfidanti.”
Hu jemmen li l-mentalità hija kollox. “Jekk ma temminx li tista’ tirbaħ, diġà tlift nofs il-battalja. Aħna rridu nkunu konsistenti, nżommu livell għoli u ma naqtgħux qalbna anke meta l-affarijiet ma jmorrux kif mixtieq.”
Din l-ambizzjoni tieħu aktar piż f’sena speċjali bħall-50 anniversarju tal-klabb. “Hija sena storika. Il-klabb għandu tradizzjoni kbira fil-hockey Malti u rridu nonorawha billi nkomplu nżidu suċċess.”
Plaehn għandu wkoll esperjenza internazzjonali mat-tim nazzjonali Malti tal-hockey, fejn irrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet organizzati mill-International Hockey Federation, inkluż l-EuroHockey Championship III u l-edizzjoni tal-2023.
“Li tilbes il-flokk ta’ Malta huwa dejjem unur kbir,” jgħid. “Tiltaqa’ ma’ livell differenti ta’ hockey u dan jgħinek tikber bħala plejer. Meta terġa’ lura mal-klabb, iġġib miegħek esperjenza u maturità.”
Issa l-attenzjoni qed iddur fuq il-EuroHockey Club Challenge II, li se jsir f’Toruń, il-Polonja bejn il-21 u l-24 ta’ Mejju 2026. Żurrieq Wolves Hotsticks se jaffaċċjaw sfida kbira kontra timijiet minn diversi pajjiżi Ewropej.
Fost l-avversarji tagħhom hemm HC Šiauliai tal-Litwanja, Grammarians HC ta’ Ġibilta’ u Soroksári HC tal-Ungerija
“Qed nippreparaw kemm għall-impenji lokali kif ukoll għal dawk internazzjonali. L-Ewropa hija livell differenti għax hemm aktar veloċità, aktar fiżiċità u organizzazzjoni tattika. Imma aħna ninsabu eċitati għal din l-esperjenza,” jgħid Plaehn.
Hu jżid li dawn il-kompetizzjonijiet jagħtu opportunità lill-plejers żgħażagħ biex jitkejlu ma’ realtajiet differenti. “Dawn huma l-mumenti li jgħinuk tikber bħala tim.”
Meta tkellimna dwar il-kundizzjonijiet tal-logħob speċjalment meta tagħmel ix-xita,
Lukas ta risposta interessanti. “Temp m’għandix kontroll fuqu, imma meta l-pitch jixxarrab ikun aħjar għalina. Il-ballun jiċċaqlaq aktar malajr u l-logħba ssir aktar teknika u emozzjonanti.”
Dan juri li t-tim għandu stil ibbażat fuq veloċità u kontroll fejn skont Lukas qed jaħdmu sew sabiex dawn il-ħiliet joħduhom ukoll il-plejers żgħażagħ.
Aspett speċjali fil-karriera tiegħu huwa li jaqsam il-pitch ma’ ħuh Silas, li wkoll jilgħab mal-Hotsticks. “Hija xi ħaġa unika. Li jkollok lil ħuk miegħek fil-grawnd jagħtik motivazzjoni żejda.”
Plaehn jemmen ħafna fl-ispirtu ta’ tim. “Il-hockey mhuwiex sport individwali. Jekk ma tkunx magħqud, ma tirbaħx. Aħna qed nibnu kultura fejn kulħadd iħossu parti mill-proġett.”
Barra minn hekk, Plaehn enfasizza kemm hu importanti li t-tim iżomm bilanċ bejn esperjenza u żgħażagħ. Skont hu, il-plejers b’esperjenza għandhom ir-responsabbiltà li jmexxu bl-eżempju, filwaqt li ż-żgħażagħ iġibu enerġija u entużjażmu ġdid. “Meta jkollok taħlita tajba, it-tim jikber b’mod naturali,” sostna.
Hu jżid li d-dixxiplina fit-taħriġ u l-mentalità pożittiva huma fatturi kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti. Għalih, kull sessjoni hija opportunità biex itejbu d-dettalji żgħar li jagħmlu differenza kbira fil-logħbiet deċiżivi, speċjalment meta l-pressjoni tkun għolja u kull żball jista’ jiswa r-riżultat.
Għalkemm il-fokus huwa fuq il-preżent, Lukas jemmen li s-suċċess jiġi mill-pedamenti sodi. “Jekk nibqgħu nagħtu spazju lill-plejers żgħar u nżommu struttura organizzata, nistgħu nibqgħu kompetittivi għal ħafna snin.”
Il-messaġġ finali tiegħu huwa wieħed ċar: “Aħna eċitati għal dak li ġej, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Irridu nikkompetu, nisfidaw u nirbħu.”
F’sena ta’ ċelebrazzjoni u ambizzjoni, Lukas Plaehn jibqa’ simbolu ta’ determinazzjoni u kontinwità fil-hockey Malti, plejer li mhux biss jaspira għas-suċċess, iżda jaħdem kuljum biex jilħqu.

