Il-Kampjonati Nazzjonali tal-Mountain Bike, organizzati mill-Malta Mountain Bike Association, immarkaw l-aħħar avveniment cross-country tal-istaġun. Din il-kompetizzjoni ġabret flimkien numru sabiħ ta’parteċipanti li qed jikkompetu għat-titlu ta’ Champion Nazzjonali.
Luke Borg u Marie Claire Aquilina niżżlu isimhom fuq it-trofew taċ-Champion tal-Mountain Bike nhar il-Ħadd waqt il-Kampjonati Nazzjonali li saru fil-Miżieb li pprovda terren bi tluq wieqaf u nżul eċċitanti li ppruvaw il-ħiliet tal-parteċipanti.
Ma kien hemm l-ebda dubju li l-Kategorija Elite kienet ser tkun kategorija kompetittiva, b’sittax-il parteċipant jieħdu sehem. Ir-rebbieħ tas-Serje tal-Punti Nazzjonali Clyve Chetcuti kellu bidu b’saħħtu li ratu jieħu postu fuq quddiem. Chetcuti, Brandon Sultana, Luke Borg, u ċ-Champion Nazzjonali tal-2022 Mark Zammit kienu fuq quddiem fl-ewwel dawra iżda l-postijiet bdew jinbidlu mit-tieni dawra, b’Stefan Scerri, Borg, u Clyve Chetcuti jieħdu posthom fuq quddiem u jistabbilixxu r-ritmu. Filwaqt li podju deher fuq il-karti għal Scerri, panċer – okkorrenza komuni fi tiġrijiet bħal dawn – fil-ħames dawra ra t-tamiet tiegħu jigu mwaqqfa. Intant, Borg u Chetcuti baqgħu jissieltu għat-titlu, madankollu f’nofs il-korsa ta’ sitt dawriet, Borg spiċċa fuq quddiem. Hu żamm postu sal-aħħar, b’Clyve Chetcuti u Jason Vella jingħaqdu miegħu fuq il-podju. Chetcuti u Vella spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Minkejja li ġew li ma setgħux jieħdu sehem minħabba injuries, iċ-ċiklisti veterani Maurice Formosa u Mark Bonnici, assistew matul l-avveniment kollu fejn taw l-appoġġ lil sħabhom.
Fil-Kategorija Sport, il-podju kien magħmul minn Keith Bartolo, Martin Bonnici, u Josmar Vella. It-trio żamm dawn il-pjazzamenti għal ħafna mit-tiġrija, b’Bartolo joħroq rebbieħ tal-Kategorija.
Il-Kategorija 40+ kienet tellieqa missielta mill-qrib bejn Alex Portelli u Joaquin Rojas li ġġieldu sal-aħħar dawra għar-rebħa tal-kategorija. Fl-aħħar, kien Portelli li ħareġ rebbieħ, segwit minn Rojas u Gordon Zahra. Intant, Carmelo Abela ħa r-rebħa tal-Kategorija 50+. Il-kategoriji tas-Subien U19 u U17 raw lil Matthew Galea u Ryan Gatt jieħdu l-ogħla postijiet, filwaqt li l-kategorija U15 rat parteċipazzjoni b’saħħita, b’Liam Daly jirbaħ b’vantaġġ komdu fuq Neil Cassar u Daniel Luke Spiteri. Nina Debono Curmi kompliet bir-serje konsistenti tagħha li rebħet il-kategorija tal-Bniet U15 fuq quddiem taż-żewġ parteċipanti l-oħra Zia Fujii u Katie Anne Vella Wood. Il-kategorija tas-Subien U12 intrebħet minn Ethan Cumbo. Zac Bugeja, li minkejja waqgħa viċin il-linja finali, kompla sabiex okkupa t-tieni post quddiem Jake Said, li jinsab fit-tielet post. Fil-Kategorija tal-Bniet U12, Kim Micallef Cann rebħet l-ewwel post quddiem Mikela Ann Spiteri u Mickaya Fava.
Parteċipazzjoni Internazzjonali
Billi n-National Point Series spiċċat f’Mejju, din tat lil membri tal-Malta Mountain Bike Association waqfa qasira mill-kompetizzjonijiet lokali, iżda l-Assoċjazzjoni kienet rappreżentata tajjeb f’diversi avvenimenti internazzjonali.
F’Lulju grupp ta’ċiklisti Għawdxin ffurmaw parti minn Team Gozo fil-International Island Games li saru f’Guernsey, filwaqt li f’Awwissu nkitbet paġna oħra fl-istorja tal-isport tal-mountain bike lokali, meta Luke Borg, Clyve Chetcuti, u Stefan Scerri kienu l-mountain bikers Maltin li ħadu sehem fil-Kampjonati tad-Dinja taċ-Ċiklizmu UCI tal-2023, fi Glentress Forest Glasgow. Il- Maltin kienu akkumpanjati mill-uffiċjal tal-MMBA Mark Bonnici, bħala parti mill-kontinġent tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Din il-parteċipazzjoni saret possibbli permezz tal-appoġġ tal-Assoċjazzjoni, il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, u SportMalta.
Aktar tard f’Settembru, kontinġent numeruż tal-MMBA ħadu sehem fl-Etna Marathon Events.
17-il sewwieq, li tmienja minnhom minn Għawdex ħadu sehem, fosthom kien hemm iż-żagħżugħa Nina Debono Curmi, li gawdiet l-ewwel esperjenza internazzjonali tagħha.
Sadanittant, ħarġu riżultati tajbin minn Ryan Gatt, li kiseb l-10 post ġenerali fit-tellieqa Excursion ta’ 25km, li kellha qrib id-90 kompetitur. Diana Muscat u Danica Bonello Spiteri ikkompetew fit-tellieqa Gran Fondo, li kellhom korsa ta’ 53km u 1900 mt elevazzjoni. Huma kkompettew f’tellieqa ma’ 17-il sewwieq ta’ livell għoli. Muscat u Bonello Spiteri jitqiegħdu fit-2 u l-5 post rispettivament. Fil-Kategorija tal-Masters, Etienne Bonello spiċċa fil-5 post fost 54 kompetitur fil-Kategorija Master 4, filwaqt li Patrick Scicluna – fl-10 parteċipazzjoni konsekuttiva tiegħu, spiċċa fil-5 post fil-Kategorija Master 5, li fiħ kien hemm 46 kompetitur.
“L-2023 wera li kien staġun eċċitanti ħafna għall-parteċipanti tal-cross country, li mhux biss marru tajjeb b’mod konsistenti lokalment iżda wkoll barra minn Malta u pproduċew xi riżultati mill-aqwa. Huwa memorabbli wkoll li għall-ewwel darba, tlett membri tal-Associażjoni tagħna kkompetu fil-Kampjonati tad-Dinja tal-U23, li jawgura tajjeb għall-futur tal-isport f’Malta. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u lil SportMalta talli appoġġjaw din il-parteċipazzjoni” irrimarka Pierre Zammit Endrich, President tal-Malta Mountain Bike Association.
Il-Malta Mountain Bike Association tixtieq tirringrazzja lil Simonds Farsons Cisk talli appoġġjat lill-Assoċjazzjoni permezz tal-Cisk 0.0 Alcohol Free Lager kif ukoll lil San Michel, Gatorade, u l-Federazzjoni Kaccaturi Nassaba Konservazzjonisti – FKNK, għall-appoġġ tagħhom.
Il-Malta Mountain Bike Association se tospita l-aħħar avveniment tagħha għall-istaġun is-Sibt 21 ta’ Ottubru minn nofsinhar ’il quddiem f’Selmun, meta ssir l-aħħar tiġrija tad-Downhill Series. L-Assoċjazzjoni ser torganizza serata ta’għoti ta’premjijiet fis-17 ta’ Novembru. Aktar informazzjoni tinsab fuq www.maltamountainbike.org