Friday, June 20, 2025

Luke Micallef jirbaħ is-7 titlu konsekuttiv tal-Kampjonat tal-Mountain Running

Aqra wkoll

Luke Micallef (AC Pembroke) huwa r-rebbieħ tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Mountain Running, titlu li huwa rebaħ għas-seba’ darba konsekuttiva. Huwa temm fl-ewwel post f’ħin rekord ta’ 18:23, fejn tejjeb b’seba’ sekondi l-ħin li kien kiseb is-sena li għaddiet.

Il-Kampjonati, li issa waslu fit-12-il edizzjoni, saru f’Binġemma taħt l-awspiċji ta’ Athletics Malta u l-Kunsill Lokali Mġarr. It-tellieqa saret fl-ambjent uniku tal-kampanja ta’ dawn l-inħawi fuq distanza ta’ 5.6km b’telgħa kontinwa ta’ 139 metru u niżla ħafifa ta’ 35 metru, li bdiet minn Binġemma, sa wieħed mill-ogħla punti f’Malta b’elevazzjoni ta’ 240m, u ntemmet fil-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat.

Luke Micallef (AC Pembroke) temm fl-ewwel post b’ħin ta’ 18:23, quddiem Aidan Tanti (Evolve AC) b’19:27 u Tommy Wallbank (Mellieha AC) li temm it-tielet b’19:47.

Fost in-nisa, l-ewwel titlu nazzjonali għal Isaura Camilleri (Żurrieq) b’ħin ta’ 24:32. Francesca Arrigo (Ladies Running Club) b’27:06 spiċċat it-tieni, filwaqt li Alexia Zammit (AS Libertas) temmet fit-tielet post b’28:15.

Din it-tellieqa kienet valida għall-għażla tal-atleti għall-Kampjonati Dinjija tal-Mountain Running 2025 li se jsiru f’Canfranc, fil-Katalunja, f’Settembru li ġej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport