B’temperatura medja ta’ 29.6°C, Lulju li għadda tniżżel bħala l-aktar xahar sħun fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku. Lokalment, dan ir-rekord kien f’idejn Awwissu tal-1999 meta t-temperatura medja kienet laħqet id-29.2°C.
Minkejja li matul ix-xahar li għadda kien hemm serje ta’ ġranet li fihom it-temperatura telgħet ħafna aktar minn dik medja, Awwissu tal-1999 xorta waħda għadu jżomm ir-rekord tal-ogħla temperatura mkejla, jiġifieri 43.8°C.
Ħarsa lejn it-temperatura massima ġurnata b’ġurnata turi li f’xejn inqas minn 24 ġurnata matul ix-xahar ta’ Lulju, it-temperatura kienet ogħla min-norma klimatika ta’ 31.7°C. Apparti minn hekk, għal sitt ijiem konsekuttivi, it-temperatura massima varjat bejn l-40°C u t-42.7°C mkejla fl-24 ta’ Lulju, hekk kif intensifikat mewġa ta’ sħana li kaxkret għal għaxart ijiem sħaħ.
L-aktar temperatura baxxa kienet imkejla fis-6 ta’ Lulju meta niżlet għal 21.1°C, jiġifieri 1.0°C inqas min-norma klimatika għat-temperatura minima tax-xahar. Lura fl-1980, l-inqas temperatura kienet niżlet sa 15.5°C li hija ħafna aktar viċin in-norma għal Novembru milli dik għal Lulju.
It-temperaturi għolja tax-xahar li għadda kienu akkumpanjati minn total ta’ 382.1 siegħa xemxija, fejn anke fl-inqas ġurnata mdawla tax-xahar kienu mkejla 10.7 sigħat xemxin. Il-koperatura medja tas-sħab kienet ta’ 0.3 oktas li wkoll hija inqas mill-medja ta’ 0.8 oktas.
Ma kinitx sorpriża li Lulju ma pproduċiex xita hekk kif in-norma tax-xahar għax-xita hija ta’ 0.1mm.
Filwaqt li Lulju kien aktar kalm milli mistenni, l-aktar buffura b’saħħitha waslet fit-tieni jum tax-xahar mill-Majjistral u laħqet il-31 knot. Ir-riħ mill-Majjistral lejn l-aħħar tax-xahar ġab miegħu temperaturi aktar friski u komdi.