Wednesday, October 9, 2024

Lulju jara żieda ta’ 18.5% fit- turisti li waslu f’pajjiżna

Aqra wkoll

Lulju ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 18.5 % fl-għadd sħiħ tat-turisti li waslu Malta meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Matul ix-xahar imsemmi f’Malta waslu 385,591 turist. Dan ħareġ minn rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

Il-maġġorparti tat-turisti, jiġifieri 361,628 ġew Malta bħala btala. Dan filwaqt li kien hemm 10,000 turist minn dawk li waslu f’Malta f’Lulju li ġew għal raġunijiet taʼ xogħol.

L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn iz-0 u l-24 sena li kien jammonta għal 39.9%; warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-25 u l-44 sena li kienu jammonta għal 33.0%.

Ir-rapport jgħid li turisti mir-Renju Unit, mill-Italja u minn Franza kienu jammontaw għal 48.5% tat-turisti kollha li waslu Malta.

Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli mqattgħin Malta telaʼ bʼ9.8%, u qabeż iż-2.8 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli li jammontaw għal 89.2% kienu mgħoddijin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija.

L-NSO tirraporta li f’Lulju 2024, in-nefqa sħiħa tat-turisti kważi laħqet it-€403.9 miljuni, li hija żieda taʼ 20.7% fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat €145.2

It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 257,754, jew 66.8% tat-turisti kollha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport