Sunday, December 22, 2024

Lulju jkun l-aktar xahar impenjattiv għall-MIA mill-2019

Aqra wkoll

F’Lulju li għadda l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għaddew 848,716-il passiġġier. Dan ifisser li x-xahar ta’ Lulju sar l-aktar xahar impenjattiv għall-MIA mill-2019. Dan l-ammont għeleb ir-rekord li sa issa kellu f’idu Awwissu tal-2019 b’aktar minn 25,000 moviment tal-passiġġieri.

Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li l-movimenti tal-ajruplani baqgħu simili għal dawk tal-2019 filwaqt li kienet irreġistrata żieda ta’ 3.8 fil-mija fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet, u dan riżultat tal-fatt li diversi linji tal-ajru qed joperaw ajruplani akbar għat-titjiriet minn u lejn Malta.

Minkejja ż-żieda fl-ammont ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet, is-seat load factor (SLF) tax-xahar żdied bi 2.1 fil-mija fuq il-livelli milħuqa qabel il-pandemija biex laħħaq id-89.1 fil-mija, hekk kif id-domanda għall-ivvjaġġar baqgħet b’saħħitha għal xahar ieħor.

Dwar l-aktar swieq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-Italja żammet postha bħala l-aktar suq importanti mingħajr l-ebda sinjal li ċċedi postha lir-Renju Unit li kien it-tieni l-aktar suq popolari tax-xahar.

Is-suq Franċiż baqa’ juri titjib eċċezzjonali fil-movimenti tal-passiġġieri hekk kif irreġistra żieda ta’ 52 fil-mija fuq l-2019, biex b’hekk qabeż is-suq Ġermaniż bħala t-tielet l-aktar suq importanti għall-ajruport. Ħames linji tal-ajru qed joperaw titjiriet minn u lejn 10 ajruporti Franċiżi u dan għen biex is-suq Franċiż iżid fil-popolarità tiegħu.

Il-movimenti tal-passiġġieri minn Spanja raw żieda marġinali ta’ 1.2 fil-mija fuq l-2019 biex b’hekk dan is-suq żamm l-istess post li ilu jokkupa minn Mejju tal-2023 bħala l-ħames l-aktar suq importanti għall-ajruport.

L-Istqarrija tkompli tgħid li filwaqt li t-terminal diġà ra attività kbira f’Lulju, il-btajjel ta’ Awwissu huma mistennijin jikkontribwixxu għal jiem aktar impenjattivi għall-ajruport fil-ġimgħat li ġejjin. It-traffiku huwa mistenni jilħaq il-quċċata tiegħu fis-17 u l-24 ta’ Awwissu, bl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jbassar li ser ikun qiegħed jilqa’ aktar minn 32,000 passiġġier f’kull waħda minn dawn il-ġranet.

Il-passiġġieri li ser ikunu qegħdin jivvjaġġaw f’xi waħda minn dawn il-ġranet huma mfakkrin ikunu l-ajruport tal-anqas sagħtejn qabel it-tluq skedat tat-titjira tagħhom.

Ekonomija

Sport