Wara sena ta’ ħidma biex jerġgħu jġibu għal li kienet id-dar tagħhom li kienet inħarqet, il-familja Gatt din is-sena setgħet tgawdi l-Milied b’mod normali fid-dar tagħhom stess.
Dan il-ġurnal tkellem ma’ Christine Gatt li rrakkontat kif is-sena li għaddiet hi u l-familja tagħha kienu kważi tilfu kollox wara li r-residenza tagħhom, li tinsab fi Vjal Kristu Re, f’Raħal Ġdid, kienet inħakmet min-nirien.

B’tant emozzjonijiet, Gatt qatilna; “Kien għad fadalli t-tfal għax ovvjament salvajt it-tfal, dik l-iktar ħaġa importanti għax l-affarijiet materjali xi darba minn hawn u minn hemm jiġu imma ovvjament dak il-ħin dawk is-sagrifiċċji kollha biex ikollok dar, dak il-ħin ovvjament għedt ħajti spiċċat”.

Spjegat kif grazzi għall-għajnuna li sabu mill-pubbliku, huma rnexxielhom jerġgħu jqumu fuq saqajhom. Irrimarkat kif fil-ħajja kollox isir bil-mod u li meta tħares lura lejn diżgrazzja bħal din tiftakar illi għad fadlilha xi ħaġa għażiża minn dan kollu, il-fatt illi l-poplu Malti huwa wisq ġeneruż u li mill-ftit li jkollu jagħti l-għajnuna meħtieġa.

Christine enfasizzat dwar il-fatt li din is-sitwazzjoni ma kienet xejn faċli għaliha, għar-raġel tagħha u għaż-żewġ uliedha, minħabba l-fatt li għamlu kważi disa’ xhur ’il bogħod minn hawn sakemm il-post ġie rranġat kif meħtieġ, tant li kellhom ukoll jerġgħu jġibuh ġebel u saqaf.

Mistoqsija kif beda n-nar, Christine qaltilna li kollox beda minn ġugarell tat-tfal, li għamel friction mas-saqqu tal-kamra tas-sodda tagħhom u wara ħa n-nar li kompla jinfirex mar-residenza.

Dwar l-għajnuna mill-pubbliku, hija qalet li ngħataw minn kollox fosthom ikel, ħwejjeġ, ġugarelli, għamara u anke flus. Sabu wkoll lil min offrielhom garaxx fejn ikunu jistgħu jitfgħu l-affarijiet li bdew jaqalgħu u l-ftit affarijiet li rnexxielhom salvaw.

Hija temmet tappella sabiex ma nħallux id-dwal mixgħulin għax fi kliemha “filli jkollok kollox u filli f’daqqa waħda spiċċajt b’xejn. Dak il-ħin ovvjament xħin beda jinfirex in-nar id-dar ġiet daħna sewda tant li ma bdejt nara xejn… għedt daqshekk ħajti, spiċċat”.