Sunday, December 22, 2024

LURA LEJN IT-TAGĦLIM B’KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL AĦJAR

Aqra wkoll

Filwaqt li ninsabu fl-eqqel tal-istaġun tas-sajf u għad fadal ftit ġimgħat oħra qabel eluf ta’ studenti jirritornaw lura fuq il-bankijiet tal-iskola għall-bidu tas-sena skolastika ġdida, b’danakollu ssoktat il-ħidma tal-awtoritajiet sabiex ikomplu jinvestu f’dak li jirrigwardja l-manutenzjoni u titjib tal-faċilitajiet għat-tagħlim, li fl-aħħar mill-aħħar se jkunu qegħdin jibbenefikaw l-istudenti tul il-vjaġġ studentesk tagħhom.

Minbarra hekk, matul dan is-sajf rajna wkoll jintlaħaq u jiġi ffirmat ftehim settorjali bejn il-Gvern u l-Unjin Maltija tal-Għalliema li se jfisser titjib qawwi fid-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ aktar minn 11,000 edukatur. Ftehim li qiegħed jinċentiva aktar nies biex jidħlu f’din il-professjoni u li wkoll jinkorpora fih avvanz fil-karriera b’pass aktar mgħaġġel.

Dan il-ftehim settorjali l-ġdid diġà qed jidher il-frott tiegħu. Tant hu hekk li mas-salarju ta’ din il-ġimgħa, dawk kollha li jaqgħu taħt dan il-ftehim se jieħdu pagament ta’ darba li jammonta għal €1,000. Minbarra hekk, l-għalliema li jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-settur tal-Primarja se jieħdu l-allowance ta’ €1,000 fis-sena b’effett lura mill-1 ta’ Jannar 2023 u pro-rata għal din is-sena. Wara, din l-allowance tibda tingħata kull  xahar.

Ma’ dan is-salarju se jingħataw ukoll il-First Aider Allowance, l-Ispecial Education Programme Allowance u x-Shared Allowance. Dan filwaqt li l-edukaturi full time tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli wkoll se jirċievu €1,000. 

Huwa għalhekk b’sodisfazzjon ninnutaw li din l-għajnuna hija waħda li ċertament se tkun qed tirrikonoxxi l-ħidma ta’ dawn l-għalliema fix-xogħol tagħhom li jirrikjedi impenn, dedikazzjoni u anke vokazzjoni li twassal għal tixrid edukattiv effettiv. Huwa tajjeb għalhekk li l-Gvern, kif qiegħed jagħmel diġa, ikompli jinvesti f’din il-professjoni għaliex ir-riżorsa umana hija waħda mill-aqwa għodda li għandu dan il-pajjiż. 

Min-naħa l-oħra, biex ikompli jinkoraġġixxi lill-istudenti jibqgħu fit-tagħlim u mhux jitilqu qabel il-waqt, il-Gvern ħa diversi miżuri effettivi fosthom li jsaħħaħ u jżid l-istipendji kif sar għal f’dawn l-aħħar snin u anke ġie provdut servizz ta’ trasport bla ħlas minn u lejn l-iskejjel. Bla dubju, dawn l-għajnuniet fil-forma ta’ inċentivi huma kruċjali mhux biss għall-istudenti nnfushom imma anki għall-familji tagħhom.

Ekonomija

Sport