Friday, December 27, 2024

LURA LEJN L-ISKOLA U L-GĦOLI TAL-ĦAJJA

Aqra wkoll

Il-bidu tas-sena skolastika jinsab wara l-bieb. Ħafna aktar ġenituri din is-sena qed isibuha aktar diffiċli jaffordjaw ix-xiri tal-oġġetti relatati mal-iskola tat-tfal tagħhom, x’aktarx riżultat tal-inflazzjoni li qed tiżdied u l-prezzijiet esaġerati minn uħud.

Il-provvisti tal-iskola huma meqjusa bħala neċessità, għalhekk ħafna ġenituri jridu jħallsu għalihom, jiswew kemm jiswew, anke jekk jiswew aktar din is-sena.

Uħud ħasbu minn kmieni hekk kif waslitilhom il-lista tal-provvisti biex għallinqas jaqsmu l-ispejjeż u mhux kollox f’daqqa. Minbarra hekk tajjeb li jiċċekjaw il-prezzijiet fis-suq u offerti, hekk kif minn ħanut għal ħanut, u minn ditta għal oħra ssib id-differenza.

In-nies se jkollhom bżonn jaġġustaw l-aspettattivi tagħhom u l-baġits tagħhom. Dan għaliex anke l-offerti xorta probabbilment se jkunu aktar għoljin milli kien sena ilu.

Qabel ma taqbad iddur biex tixtri, hija idea tajba li tikkomunika mal-qraba u ħbieb dwar fejn l-aħjar li tmur tixtri. Minbarra hekk tajjeb li titkellem mal-membri tal-familja tiegħek u taqsam magħhom l-ideat li ħafna affarijiet issa saru aktar għaljin f’dawn il-jiem u li l-familja se jkollha tagħmel xi sagrifiċċji sabiex taffordja dak kollu li t-tfal se jkollhom bżonn għall-iskola.

Tiddejjaqx li jerġgħu jużaw ċerti affarijiet. Mhux kollox irid jinbidel kull sena. Jekk it-tifel tiegħek jista’ jerġa juża ċerti oġġetti għal sena oħra, m’għandekx għalfejn twarrabhom u terġa’ tixtri kollox ġdid.

Anke fil-każ ta’ oġġetti tal-aħwa jew ħbieb. Tista’ tingħata oġġetti tal-iskola wżati, li jkunu għadhom f’kundizzjoni tajba. Mhux biss l-uniformi, iżda anke f’każ ta’ backpacks, kotba, stationery, eċċ. Jekk għadhom f’kundizzjoni tajba, tiddejjaqx terġa’ tużahom.

Mhijiex faċli, hekk kif bħala ġenitur, int qatt ma trid tgħid lil uliedek le. Tkun tixtieq tista’ tgħid, iva, nista’ nixtrilek dak kollu li għandek bżonn għall-iskola mingħajr tqanċiċ. Iżda mbagħad x’se jiġri meta jaslu l-kontijiet l-oħrajn?

Ma nistgħux ma nsemmux li waqt daż-żminijiet iebsin il-Gvern Malti ħareġ għonqu għall-familja Maltin u Għawdxin u qed jieħu ħsieb itaffi s-sitwazzjoni b’għajnuna biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwils, u l-gass stabbli, kif ukoll il-qmuħ.

Fil-każ tal-għajnuna fil-qasam tal-edukazzjoni, se jerġa’ jingħata s-servizz tal-Breakfast Club lill-istudenti biex jieħdu kolazzjon bnin qabel jibdew l-iskola, servizzi ta’ child care b’xejn, trasport tal-iskejjel b’xejn, internet b’xejn lill-istudenti post-sekondarji, kif ukoll il-Klabb 3-16, servizz ta’ kura wara l-iskola għal tfal bejn l-etajiet ta’ 3 u 16-il sena li jattendu skejjel tal-istat, tal-knisja jew indipendenti, mit-Tnejn sal-Ġimgħa matul is-sena skolastika wara li tispiċċa l-iskola, sas-18:00, fost oħrajn.

Ekonomija

Sport