Friday, May 3, 2024

Lura lejn l-Oriġini f’Għar Dalam u Borġ in-Nadur nhar l-Indipendenza

Aqra wkoll

Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jesperjenza Għar Dalam u Borġ in-Nadur nhar l-Erbgħa 21 ta’ Settembru, festa nazzjonali. Dakinhar tal-avveniment, li ngħata l-isem Lura lejn l-Oriġini nhar l-Indipendenza, se jsiru erba’ dawriet gwidati bbukkjati minn qabel – tnejn f’Għar Dalam u tnejn oħra f’Borġ in-Nadur – u ż-żewġ siti se jkunu miftuħin bi prezz imraħħas.

Għar Dalam hu l-eqdem sit preistoriku ta’ Malta, fejn il-viżitatur faċli jistħajjel li mar lura fiż-żmien. Fillieri ta’ għadam tal-annimali li nstabu fl-għar jinsabu għall-wiri fis-Sala Joseph Baldacchino, fejn il-vetrini huma bi stil Vittorjan li rari għadek issibu fl-Ewropa.

Għadam ieħor ta’ annimali ta’ Żmien is-Silġ wieħed jista’ jarah fl-għar stess. Għar Dalam hu magħruf ukoll għas-siwi ekoloġiku tiegħu, tant li hu wieħed mis-siti protetti ta’ Natura 2000.

Borġ in-Nadur jinsab 500 metru biss ’l isfel minn Għar Dalam. Dan is-sit kien jintuża lejn tmiem il-Perjodu Neolitiku kif ukoll fi Żmien il-Bronż (3,000-700 Q.K.). Matul dan tal-aħħar, l-istruttura ġiet addattata biex tintuża għal għanijiet domestiċi. Il-parti Neolitika ta’ Borġ in-Nadur ġiet skavata madwar mitt sena ilu minn Margaret Murray u pprovdiet tagħrif kruċjali li għen biex jiġu mifhuma aspetti tal-preistorja Malta li sa dak iż-żmien kienu għadhom problematiċi, bħad-differenzi bejn il-Perjodu Neolitiku u Żmien il-Bronż.

Id-dawriet gwidati tal-21 ta’ Settembru se jsiru kif ġej: F’Għar Dalam se jkun hemm tour bil-Malti fid-9.30am u ieħor bl-Ingliż fis-1.00pm. F’Borġ in-Nadur ikun hemm tour bil-Malti fil-11.00am u ieħor bl-Ingliż fis-2.30pm. Mid-9.00am sas-1.00pm f’Għar Dalam se jkun hemm mejda b’varjetà ta’ għadam li nstabu fl-għar. John J. Borg, Kuratur Anzjan ta’ Heritage Malta għall-Istorja Naturali, ikun lest biex iwieġeb il-mistoqsijiet tal-viżitaturi dwarhom u dwar Għar Dalam u s-sejbiet li saru fih matul is-snin.

Id-dawriet gwidati f’Borġ in-Nadur mhux se jinkludu l-biċċa art li nxtrat dan l-aħħar u li taħt parti minnha hemm mirdumin il-fdalijiet ta’ villaġġ ta’ Żmien il-Bronż. Żraben komdi għall-mixi għandhom jintlibsu matul it-tours. Xi partijiet tat-tours jistgħu joffru sfida għal persuni bi problemi ta’ mobilità.

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem f’dawra gwidata jridu jixtru biljett minn qabel, minn
kwalunkwe sit jew mużew ta’ Heritage Malta jew inkella online minn www.heritagemalta.org/store. Il-biljetti tat-tours jinkludu wkoll id-dħul fiż-żewġ siti. Il-biljetti jiswew €3 għall-adulti, l-istudenti u l-anzjani. Tfal sal-età ta’ 11-il sena m’għandhomx bżonn biljett u jistgħu jieħdu sehem fit-tours flimkien ma’ adulti li jkunu xtraw biljett. Membri ta’ Heritage Malta jidħlu b’xejn iżda xorta jridu jakkwistaw biljett minn kwalunkwe sit jew mużew ta’ Heritage Malta jew billi jibagħtu email lil [email protected], fejn jikkwotaw in-numru tas-sħubija tagħhom.

Għal dawk li jixtiequ jżuru Għar Dalam u Borġ in-Nadur nhar il-21 ta’ Settembru iżda mhumiex interessati fid-dawriet gwidati, il-biljetti jkunu disponibbli biss minn ħdejn il-bieb ta’ Għar Dalam. Iż-żewġ siti jkunu miftuħin mid-9.00am sal-4.30pm.

Aktar tagħrif jinsab hawn: https://heritagemalta.org/whats-on/

Sport