Saturday, December 21, 2024

Lydia Abela b’diskussjoni li ġabet iż-żewġ naħat tal-Kamra flimkien dwar is-saħħa mentali

Aqra wkoll

Fiż-żmien li ġej is-servizz ta’ psiko-terapisti offrut fl-iskejjel se jkun qed ikompli jikber bil-għan li t-tfal ikollhom servizz dejjem aktar utli waqt il-perkors edukattiv tagħhom. Qalet dan mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela waqt diskussjoni dwar is-saħħa mentali propju fil-jum dinji li jfakkar il-kuxjenza fuq dan is-suġġett.

Dr Abela semmiet kif dan il-proġett li qed taħdem fuqu l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca se jkompli jiġi appoġġjat biex dan is-servizz ikompli jissaħħaħ.

Waqt diskussjoni li fiha nġabru Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Lydia Abela saħqet fuq l-importanza tal-għaqda nazzjonali fuq it-tema tas-saħħa mentali.

Sostniet li din l-isfida m’għandiex kuluri u għalhekk il-politika hija għodda importanti biex biha l-vuċi ta’ kulħadd tinstema’ filwaqt li jittieħdu d-deċiżjonijiet favur in-nies.

Ipparteċipaw ukoll f’diskussjoni anki dwar l-isfida tas-saħħa mentali fil-ħajja pubblika, stakeholders u professjonisti f’dan il-qasam li lkoll qalu tagħhom f’interventi li saru tul l-attività.

“Studju li sar is-sena l-oħra mill-MISCO wera li kważi sebgħin fil-mija li kellhom sfida ta’ saħħa mentali, qatt ma żvelaw dan ma’ min jimpjegahom. Is-saħħa mentali ma nistgħux nibqgħu naħbuha taħt it-tapit,” sostniet Dr Abela hekk kif anke għamlet aċċenn għall-ambjent politiku ta’ pajjiżna u l-importanza tar-rispett fil-ħajja pubblika.

“Kritika u skrutinju iva – kull min jidħol fil-ħajja pubblika jaf li se jkun suġġett għaliha ġustament – iżda mibegħda u kattiverja, le.  Aħna stess ġieli ngħidu lil xulxin li biex tirnexxi f’din il-ħajja pubblika, trid trabbi qoxra”. Għaliex trid trabbi qoxra? Għaliex ma tistax tidħol fil-ħajja pubblika, tagħti s-servizz bl-aħjar tal-abbilità tiegħek, u tibqa’ seren?”, irrimarkat mart il-Prim Ministru.

Qabel temmet l-intervent tagħha, Dr Lydia Abela rringrazzjat lil kull min iqajjem l-għarfien fuq is-saħħa mentali u semmiet kif irridu nkissru l-istigma u nbiddlu mentalità permezz tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Hawn semmiet kif proġett importanti li sar b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond qed ikompli jagħti viżibilità lit-tema tas-saħħa mentali fejn studenti tad-disa’ sena fl-iskejjel qed jieħdu taħriġ dwar l-ewwel għajnuna għal persuni bi sfida ta’ saħħa mentali.

Ekonomija

Sport