Sunday, November 24, 2024

Lyon jirbħu ċ-Champions League tan-Nisa

Aqra wkoll

Lyon huma ċ-champions Ewropej għat-tmien darba fl-istorja tal-club meta fil-finali għelbu lill-favoriti Barcelona bl-iskor ta’ 3-1 li f’dan l-istaġun kienu għadhom ma tilfux partita. 

Din il-finali ntlagħbet fil-Juventus Stadium quddiem 32,257 spettatur. 

Il-Franċiżi kellhom bidu mill-aqwa meta fis-sitt minuta fetħu l-iskor minn Amandine Henry li rebħet ballun fi tliet kwarti ta’ ground, avvanzat u b’xutt imdawwar xeħtet il-ballun fis-saqaf tar-rokna tax-xibka. 

Fit-23 minuta, huma rduppjaw minn Ada Hegerberg li kkonkludiet mill-cross ta’ Selma Bacha. 

Għaxar minuti wara, Lyon komplew jaħsdu lill-avversarji tagħhom meta skorjaw it-tielet goal meta d-difiża Katalana naqset li tikklerja mill-cross ta’ Hegerberg biex il-ballun wasal għand Katernia Macario li bil-kalma kollha kompliet il-ballun fix-xibka. 

Erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Barca naqqsu l-marġni tal-iskor minn Alexia Putellas meta kkonnettjat mill-cross ta’ Graham Hansen. 

Kien hemm antiċipazzjoni li fit-tieni taqsima Barcelona jkabbru l-pressjoni fuq il-lasti avversarji iżda l-Franċiżi kkontrollaw kull sitwazzjoni minkejja li l-Ispanjoli laqtu l-mimduda minn Patricia Guijarro. 

Kien suċċess meritat għal Lyon għax kienu l-aħjar team. 

Sport