Saturday, November 23, 2024

L‑ARĊISQOF F’BELGRAD GĦALL‑ASSEMBLEA PLENARJA TAL‑KONFERENZI EPISKOPALI EWROPEJ

Aqra wkoll

L‑Arċisqof Charles Scicluna llum ħalla Malta għal Belgrad, is‑Serbja, biex jieħu sehem fl‑Assemblea Plenarja tal‑Kunsill tal‑Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE). Għal din il‑laqgħa se jattendu isqfijiet minn madwar 40 pajjiż Ewropew. It‑tema ewlenija ta’ din l‑assemblea hi “Pellegrini tat‑tama. Lejn Knisja sinodali u missjunarja”.

F’Belgrad, l‑isqfijiet se jiddiskutu kif il‑Knisja fl‑Ewropa, bi preparazzjoni għall‑Ġublew tat‑Tama li se jiġi ċċelebrat is‑sena d‑dieħla, tista’ tkun sors ta’ tama. L‑isqfijiet se jaqsmu wkoll l‑esperjenzi u l‑ideat tagħhom dwar kif il‑Knisja xxandar il‑ferħ tal‑Evanġelju f’dinja sekulari filwaqt li tkompli tkun Knisja missjunarja. Dan anke fid‑dawl tat‑tieni sessjoni tas‑Sinodu dwar is-Sinodalità li se ssir fil‑Vatikan f’Ottubru li ġej.

L‑assemblea plenarja tas‑CCEE qed issir f’Belgrad hekk kif din is‑sena qed jiġi mfakkar il‑100 anniversarju mit‑twaqqif mill‑ġdid tad‑Djoċesi ta’ Belgrad. Il‑laqgħa tal‑Isqfijiet Ewropej hi l‑ewwel attività li se ssir biex tfakkar dan l‑anniversarju importanti għad‑djoċesi.

L‑aħħar assemblea plenarja tas‑CCEE saret f’Novembru li għadda f’Malta, fejn l‑isqfijiet iddiskutew uħud mill‑isfidi li qed jgħaddi minnhom bħalissa l‑kontinent Ewropew u kif il‑Knejjes Ewropej jistgħu jaħdmu flimkien biex jegħlbu dawn l‑isfidi. Din kienet l‑ewwel darba li l‑Konferenza Episkopali Maltija ospitat din l‑assemblea.

L‑assemblea plenarja tintemm il‑Ħamis, 27 ta’ Ġunju 2024.

Sport