Wednesday, July 30, 2025

‘Ma’ Attard FC sibt it-tieni familja tiegħi’ – Nick Ghio

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol tista’ tgħid bdiet meta kelli tliet snin meta kont tlabt lil ommi biex tibda teħodni għat-taħriġ tal-futbol. Imbagħad kont bdejt nittrenja ma’ Qormi FC meta għalaqt erba’ snin.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Attard FC.

Ma’ Attard FC sibt it-tieni familja tiegħi! Hemmhekk inħossni ‘home’ għax diġá kont qattajt disa’ snin fin-nursery u kbirt hemmhekk. Prattikament jiena rajt lil Attard FC jevolvi minn klabb bil-limitazzjonijiet tiegħu għal wieħed bi struttura tajba ħafna. Hemm coaching staff il-vera professjonali, kumitat b’nies mill-aqwa, ħabrieka u verament iħobbu l-klabb, u president li huwa raġel ta’ rispett kbir u tista’ tgħid iddedika ħajtu kollha għall-klabb. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadda kien wieħed pożittiv għalina minn ċerti aspetti iżda diżappuntanti minn banda oħra għax sfortunatament it-tragwardi li kellna ma lħaqnihomx.

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?

Qegħdin inħarsu lejn l-istaġun li ġej b’entużjażmu kbir. Għandna skwadra żgħira b’ħafna plejers żgħażagħ ġodda u ninsabu ħerqana biex nibdew l-istaġun.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-futbol Malti dejjem kull staġun qed iżid fil-livell f’kull diviżjoni, mill-ogħla sal-iktar baxx.

U dak tar-rizorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ir-riżorsi wkoll dejjem qegħdin jipprogressaw permezz ta’ investimenti li qegħdin isiru. Issa li ilni nilgħab ‘senior football’ għaxar snin nista’ nghid li l-qabża ‘l quddiem kienet waħda kbira.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?

Bħalissa, il-focus tiegħi qiegħed li ngħin kemm jista’ jkun lil Attard FC biex inġibu l-aqwa riżultati lejn il-klabb. Inkun onest għadni qatt ma kelli xi ħajra għall-kowċing, iżda ovvjament, fil-ħajja qatt ma tista’ teskludi xejn!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport