“Din hija l-ewwel darba li l-USS Paul Ignatius daħal Malta. Paul Ignatius ma ddefenda ebda tip ta’ theddida għas-sigurtà fil-Mediterran però żewġ vapuri oħra tal-flotta tagħna f’Ottubru li għadda interċettaw missili balistiċi li kienu fid-direzzjoni lejn Iżrael. Il-missjonijiet tagħna mhumiex relatati mal-Gwerra fl-Ukrajna. Ninsabu hawn f’perjodu ta’ mistrieħ f’dan il-pajjiż tant sabiħ”.

Hekk qal lil dan il-ġurnal waqt stedina li l-midja Maltija kellha fuq il-USS Paul Ignantius (DDG 117), il-Kmandant Joseph D. Phillips. Dan id-destroyer huwa tal-klassi Arleigh Burke tal-Qawwa Navali tal-Istati Uniti u daħal fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u “wisq probabbli” jitlaq mill-Port il-Kbir ta’ Malta għada.
Ibbażat f’Rota, Spanja dan il-vapur idur fil-Mediterran biex jiżgura l-libertà tan-navigazzjoni u s-sigurtà madwar ir-reġjun. Mill-informazzjoni li tana l-Kmandant D. Philips, fuq dan il-vapur tal-gwerra hemm ftit aktar minn 300 membri tal-ekwipaġġ, 15% minnhom huma nisa.
Il-USS Paul Ignatius huwa armat sa snienu inkluż żewġ ħelikopters, kanuni, missili u apparat teknoloġiku avvanzat għad-difiża. Mistoqsi x’tip ta’ theddid huma ppreparati għalih, jekk hux mill-ajru, mill-baħar, minn pirati jew anke drones, D. Philips speċifika li, “kollha kemm huma. Il-missjoni ewlenija tagħna f’dan ir-reġjun hija li nilqgħu għal theddid minn missili balistiċi. Aħna attrezzati kontra t-theddid mill-kategoriji kollha ta’ missili balistiċi u ppreparati wkoll għal theddid li jista’ jiġi minn taħt il-baħar, jiġifieri sottomarini”. Proprju dwar theddid minn sottomarini, staqsejna jekk hemmx dan it-tip ta’ theddid fil-Mediterran. Min-naħa tiegħu qal li, “le. Ma kellna ebda theddid”.
Il-Kmandant elabora li fuq il-USS Paul Ignatius għandhom il-kapaċitajiet biex jiddefendu l-vapur tagħhom kif ukoll lil vapuri oħra kontra attakki minn missili. Però, assigurana li fortunatament “m’aħniex involuti f’theddid reali”.
“Inħarsu bil-quddiem biex nerġgħu niġu”
Min-naħa tiegħu l-Kmandant D. Philips qasam dak li esperjenzaw f’dawn l-erbat ijiem f’pajjiżna fejn qal li, “eċċitati ħafna li ninsabu hawn. Il-membri tal-ekwipaġġ kellhom l-opportunità li joħroġ u jesperjenzaw il-kultura u jiltaqgħu man-nies. Qaluli affarijiet pożittivi ħafna. Għamilna wkoll proġett ma’ xelter tal-annimali u lagħabna logħba basketball ma’ kulleġġ lokali… Rebħulna imma xorta tajjeb għax ħadna gost. Morna anke tours madwar Malta u ħadna gost ħafna tant li nħarsu bil-quddiem biex nerġgħu niġu”.

Il-Kmandant Phillips għandu lawrja ta’ master fl-istudji militari b’ċertifikazzjoni gradwata fl-Iżvilupp tal-Kunċett Futur mill-Marine Corps University. Huwa rċieva diversi unuri inklużi l-Midalja tas-Servizz Meritorju tad-Difiża u l-Midalja tal-Kummendazzjoni tal-Korp tal-Flotta u l-Marini, fost oħrajn.
Barra l-midja, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ tad-destroyer Amerikan iltaqgħu wkoll ma’ membri tal-gvern Malti, mal-Forzi Armati u mal-komunità diplomatika. Iċ-Charġé d’Affaires tal-Istati Uniti, Ken Toko, qal li l-Istati Uniti u Malta għandhom interess komuni f’Mediterran stabbli u sigur.
Fl-imgħoddi USS Paul Ignatiurs (DDG 117) kien serva bħala Segretarju tal-Flotta tal-Istati Uniti taħt il-President Lyndon Johnson mill-1967 sal-1969 u qabel serva bħala lutenent fil-Flotta matul it-Tieni Gwerra Dinjija.