Saturday, December 21, 2024

“Ma fadalx pedament tal-familja”…’qed tinbedna fuq it-trab’

- Membru tal-kleru jitkellem ma’ IT-TORĊA

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Tfal waħidhom fi djarhom għax il-ġenituri jew xogħol jew ħarġu”. “Tfal żgħar jiġru barra waħidhom. Tgħid dawn kif qegħdin barra dan il-ħin waħidhom”. “Tfajliet joħorġu minn djarhom nofshom għarwenin u jekk tkellimhom biex tiġbdilhom l-attenzjoni jgħidulek żmagajt u jeħduha miegħek. Ir-rispett sparixxa”. “Biex jieħdu gost iridu jikkunsmaw l-alkohol”. “Tiġbdilhom l-attenzjoni waqt ix-xogħol jeħduha miegħek”. “Tara żgħażagħ illum u l-mod kif jaġixxu, tixxokkja ruħek biex ma ngħidlekx titqalla”.

Dan iddikjarah ma’ IT-TORĊA, membru tal-kleru anzjan, li tkellem dwar is-sitwazzjoni fis-soċjetà llum. Tkellem magħna bil-kundizzjoni tal-anonimità, għax fi kliemu stess, “illum malajr jgħalqulek ħalqek jew jibdew iċemplu u jgħidulek għaliex għedt hekk. Mhux importanti min jgħidu, imma importanti is-sustanza ta’ dak li qed ngħid”.

Jgħidilna li “se nibda mill-Knisja li nappartjeni għaliha jien. Il-Knisja trid tisma’ mill-profeti. Mhux tħaġġarhom. Kien hawn min tkellem u ssuġġerixxa affarijiet. Kien hemm qassis li kien kiteb ittra u Kellu jitlaq kolox. Għamel hekk għax qed jemmen, kif nemmen jien, li n-natura stess tbiddlet maż-żmien. Ma tbiddilx l-art – dak li joħroġ minn ruħha, imma dak joħroġ minn moħħha jew żaqqha tbiddlu. Għasfur bejta ma bidilha qatt. Però il-mod kif jidħol fil-bejta u l-mod kif joħroġ u l-mod kif jistaħba fis-siġra jaf li ma kellux il-libertà li kellu kulħadd fid-dinja u dik il-libertà spiċċat għal kulħadd. Irridu biex noħolqu dinja oħra naqbdu it-tajn b’idejna. L-ewwel qabdu Alla u imbgħad tah in-nifs tiegħu u tah f’idejna u ħalla f’idejna.

U issa qed f’idejna. Insaqsu lilna nfusna jekk aħniex għadna inkomplu l-kreazzjoni. Alla jtik siġra imma ma jtikx mejda biex tikol fuqha tagħmilha mis-sigra. Għaliex qed ngħid dan? Għax illum il-ġenituri ma jistgħux jikkoreġu lil uliedhom għad-dinja ta’ llum għax il-ġenituri għexu fi żminijiet kompletament differenti. Id-dinja li għexu fiha l-ġenituri spiċċat. Lanqas traċċa ma fadal tagħha. In-natura inbidlet. It-tfal mhux se jagħtu kas dak li tgħidilhom għax id-dinja llum hi differenti. Għidli ftit u dan tista’ tarah b’mod regolari kull fejn trid, kif tara tfajliet nofshom għarwenin. Ilbies diżonest għall-aħħar.

Dawn ħarġu hekk mid-dar. Ħarġu hekk mid-dar tal-ġenituri. Kif ħallewhom joħorġu hekk? Għandek il-problema li llum għandek tfal bilkemm jaraw il-ġenituri. Ikunu xogħol l-ġenituri u mbagħad joħorġu u t-tfal waħidhom. Ituhom ċavetta u barra bid-daqq. Jiklu minn take away u ejja ħa nmorru. Dinja għaddejja mgħaġġla, marbuta ma’ pjaċir ta’ ftit ħin li wara jħalli vojt. Ara taħseb li qed ngħidlek li n-nies u l-familja m’għandhomx jiddevertu. Li qed ngħid li hemm responsabbilitajiet u sagrifiċċji xi jsiru. Imma l-ġenituri jridu jagħmlu sagrifiċċji? Ħares lejn it-tkissir tal-familji. X’eżempju qegħdin nagħtu lit-tfal? Forsi naħsbuhom tfal imma jkunu qed jinnutaw kollox mingħajr ma jitkellmu. Jiġu għandi jirrakkontawli stejjer, li jbikkuk”.

Jenfasizza li “hemm bżonn u wasalna għal eżami tal-kuxjenza. Il-kuxjenza dejjem tara wieħed waħdu. Irrid nibdew mill-wieħed wieħed waħidna. Il-familja l-aqwa ħaġa. Iżżomm is-soċjetà. Għadha l-istess? Hi l-pilastru tas-soċjetà. Il-familja xi tbiddel? Illum ma baqax pedament tal-familja. Il-familja qiegħda tinbena fuq pedament ta’ trąb. Lejliet it-tieġ u qed tagħmel kuntratt li jekk ma jtihiex daqshekk titilqu jew li tieħu nofs u kwart. Meta waslet għall-aħħar ġebla ma trid l-ebda ġebla.”

Imma x’qed itellef u jdgħajjef il-familja llum?

Nistaqsuh x’qed itellef il-familja llum? X’inhu dak li qed jheddidha? Jgħidilna li “mhux x’hemm itellfiha. X’inti titlef inti? L-ewwelnett irid jibqa’ l-fiduċja. Għax inkella lanqas kafe ma tixrob. Jekk m’għandix fiducja fih, f’dik it-tazza tal-kafe ma tixrobhiex. Il-fiduċja sparixxiet. Ma tistax toqtolha l-familja. Kif toqtolha l-familja? Alla jtik il-ħajja u jtik in-nifs. Kif titlaq in-nifs tiegħu inti, ma baqgħalek xejn. Tara ma xhiex tiggranfa. Alla tant għandu fiduċja fina li ħalla kollox f’idejna. Imma x’għamilna b’dan? Kabbarnieh dak li tana? Alla tagħna żerriegħa tal-ħarrub u baqgħet ħarruba biss ma sar xejn mill-ħarruba. Alla tagħna l-bniedem u baqa’ biss dak li ma jagħmlux bniedem.”

Eżattament dan li qed tgħid xi jfisser?

“Ħa ntik eżempju żgħir. Dan qed ngħidu biex dak li jkun jaħseb. Jidħol f’qoxortu. Mara, mill-inqas f’sena tmur tlett darbiet għand il-hairdresser. Għax hi xagħrha ma tistax tagħmlu dejjem kif trid hi. Bħal istatwa hu, din titkisser ma tistax issewwi lilha nfisha, xi ħadd ieħor isewwiha. Tipprova kemm tipprova ma tasalx. Fejn qegħdin ? L-arlogg għadu juri l-ħin? Qed ngħid dan għax l-aktar affarjiet sbieħ u tajbin u qaddisa, isiru meta jkollok arloġġ bla minutieri u ma jurikx il-ħin. Ħares lejn dak l-arloġġ li qed tara f’din il-kamra. Bla minutieri.”

Itenni li “ma tistax tagħmel in-nokkli int u altura tmur għand xi ħadd ieħor għax għandha fiduċja fih. U meta taqtagħalha xagħrha, turiha il-mera u tgħidilha kemm ġiet sabiħa. U l-mara tħallasha mil-qalb. Il-fiducja torbot ħafna. Il-fiducja marbuta ma’ kollox. Il-problema qiegħda hawn li l-arloġġ u l-fiduċja tagħna qegħdin nitfgħuhom fejn m’għandu saħħa ta’ xejn. Bħal dik il-mara li marret għand il-hairdresser.

Tefgħet l-fiduċja f’xi ħaġa li wara ftit titlaq għax xagħrha jerġa’ jiġi kif kien. Iddur fejn iddur, dejjem tasal fl-istess punt. Kemm hu importanti hi tifhem li l-ewwel trid tiġi edukata u mgħallma biex ħadd ma jidħak biha. Ħalli ħadd ma jbellagħhielha li xagħrha kollox. Trid tiġi mgħallma li s-sustanza hi kollox.”

Jisħaq li “aqbad l-akbar inventuri tad-dinja, kollha għexu f’faqar kbir u kollha għexu bla ħin u viċin in-natura. Dan għax iż-żerriegħa tibqa’ żerriegħa. Fejn hi s-sustanza? Is-sustanza qiegħda f’dak li jagħmilha mara jew dak li jagħmel raġel. Sustanza li ma tarahiex. Li ma tinbiegħx. Ma jixtriha u jbiegħha u ma tista’ tixtriha qatt. Li ma tittradihiex. Dawk huma is-sustanzi. Illum għandna min jaħseb li kif jgħidu bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Is-sustanza ma tixtrihiex. Meta taħseb f’dan timxi pass ‘l quddiem. Kull invenzjoni saret għax min kien qed jaħdem fuqha ħaseb u fittex is-sustanza.”

Jiddikjara li “l-bniedem għandu iċ-ċans li jista’ jagħmel eżami lilu nnifsu. Meta jsir dan hu se jagħmel l-akbar skoperta. Jinduna li jrid jgħix ma ħaddieħor. Waħdu ma jistax jgħix. U jagħmel minn kollox biex jgħix waħdu. Minn kollox jagħmel biex jgħix waħdu. Jipprova jieħu kollox għalih. Imma in-natura turik li waħdek ma tistax tgħix. Jien qatt ma kont waħdi. Tgħidli ilek żmien tgħix waħdek inti. Ngħidlek waħdi ma kont qatt għax fiha ma naħseb qatt, rari ħafna.”

Jieqaf ftit u jħares lejna. Kważi bi dmugħ f’għajnejh

U jkompli jgħid li “u tgħix ma ħaddieħor mhux bħal ġo forn li jgħix ma ħaddieħor imma imbagħad jaħarqu. Tgħix ma ħaddieħor ifisser billi ttih il-ħajja. U tgħix bil-ħajja bl-affarijiet żgħar li tant huma żgħar li fil-ħajja lanqas taħseb fihom. Min jaħseb fl-affarjiet il-kbar, l-affarijiet iż-żgħar ma jarahomx.

Ħadd m’għandu miktub fuq moħħu dan giddieb, sinċier jew ħalliel. Trid kun għamiltha miegħu u tkun tafu. Għalhekk il-bniedem hu min hu, reliġjuż, politika, ekonomista, hu x’inhu, tidħol fejn tidħol dejjem tinduna li biex tgħin lill-bniedem mhux trid tisma’ fuqu, tara jew titkellem imma trid tgħix miegħu. U tiskopri kuljum il-ġdid fih. Ħafna nies jiskopru li għandhom mara meta jkunu morda. Jibda jgħidlek taf kemm għamlet miegħi .

La qatt ħarġet mid-dar. Dejjem id-dar miskina. Meta mardet skopra. Mhux titkellem trid imma tgħix miegħu. Biex issolvilu l-problemi. Kull bniedem hu x’inhu iridi jgħix man-nies. Jekk reliġjuż irid kun man-nies, jekk politiku irid jgħix man-nies. Xjentist irid jgħix man-nies. Intom bħala ġurnalisti u int bħala fotografu triku tgħixu man-nies. Waħdek qatt ma tista’ tkun politiku tajjeb, qassis tajjeb, jew ġurnalist tajjeb”.

Il-ġurnaliżmu għandu rwol importanti x’jilgħab illum….’kunu man-nies’

Għal fit ħin jirrenja is-skiet fil-kamra. Iħares lejna u jgħidilna li “biex tkun tafu trid tgħix miegħu. Tagħmel 50 sena miżżewweġ u lanqas tkun tafha sew il-mara. Importanti trid tgħix miegħu u ma titbiegħedx mill-bniedem. Illum għandna saċerdoti li tbiegħdu mill-poplu. Il-politiku l-istess. Hi t-tentazzjoni ta’ kulħadd li taħseb li kapaċi tgħix waħdek. In-nies meta nkellimhom, jgħidulek ma jonqosni xejn. Ngħidlu kif mela hawn xi ħadd ma jonqsu xejn. Irridu nedukaw lin-nies. L-edukazzjoni illum importanti aktar minn qatt qabel.”

Jisħaq li “issa jien f’pajjiżna qed nisma’ regolarment fuq barranin u nies li ġejjin mill-Afrika. Kollox iwaħħlu fihom. Kull ma jiġri dawn imsieken tort tagħhom. Qed jaħdmu daqs bgħula hawn u nwaħħlu għal kollox fihom. Anki jekk neħlu fit-traffiku tort tagħhom.

Għax hawn huma. U ħadd ma jgħid imma lil dawn edukajnihom? Ħarriġnihom? Urejnihom li hawn differenti minn fejn kienu. Jew tfajnihom fl-ibliet u ħallejnihom għal rashom jiġri minnhom li jrid. Jisfruttawhom u jiġri li jrid, l-aqwa li l-ekonomija ddur.”

Jgħidilna li “ejja nieħdu l-Musulmani, għax dawn tgħidx x’tisma’ fuqhom. Waħda li jbatu hi l-ħin. L-ewwel ġranet u l-ewwl xhur ibatu ħafna minħabba l-ħin. Tiftiehem miegħu. U tgħidlu għada se nixtrilek xi ħaġa u ejja għaliha għad fid-9 ta’ filgħodu. Tistenna u wara nofsinhar jitfaċċa.

Tgħidlu ilni nistenna ħames siegħat m’għamilt xejn minħabba fik. Għaliex jiġri hekk? Għax ħadd m’edukah li l-arloġġ ta’ Malta mhux bħal dak ta’ pajjiżu. Għax l-arlġġ ta’ Malta mhux bħal ta’ Franza, ta’ l-Awstralja jew tal-Afrika. Trid tedukah u b’hekk tibdillu ħajtu. Kif jilbes, kif jiekol, kif jgħix u kif jaħseb. Għalhekk għadhom bit-tribujiet u bil-jasal għax l-arlogg għadu ta’ dak iż-żmien. Ara meta jiġu fl-Ewropa, lilna imbagħad jgħadduna għax huma jauni jafu is-sistema l-oħra ukoll. Aħna nafu sistema waħda imma huma jafu aktar minn sistema waħda. Jien spiss inmur fi skejjel.

Jiskantawni it-tfal żgħar. Imorru l-iskola, u wara xahar jibew jitkellemu bil-Malti. Trid l-edukazzjoni u din mhi xejn ħlief li taqsam li għandek ma’ ħaddiehor. Biex teduka ruħek trid titgħallem il-grammatika tal-edukazzjoni.”

Fil-gwerra konna nixgħelu ir-radju u nisimgħu…u intom il-ġurnalisti llum tridu twasslu l-verità

“Niftakar fil-gwerra konna nixgħelu ir-radju għall-aħbarijiet. Nippruvaw naqbdu aħbarijiet mill-Ġermanja. Dak li jaqrahom – jiġifieri il-Ġermaniż kien iwerwrewk. Kien qisu qed jiġġieled miegħek. It-Taljani qisu qed ikantaw. Tgħidli għaliex qed tgħidli dan. Għax dan se jġibni għall-ġurnaliżmu. Għalhekk bgħatt għalikom. Fadalli fiduċja fikom. Fikom biss.

Għalhekk bgħatt għalik għax fadalli fiduċja fik. Il-ġurnaliżmu irid jgħid il-verita. Għad jasal żmien li n-nies lanqas tiftilhom l-aħbarijiet għax ma temminhomx. Is-social media spiċċat. Qiegħda fit-tarf u se tibqa’ biss il-kelma miktuba. Hi l-kelma miktuba li tiswa. Il-messaġġ tiegħi lejkom hu wieħed ċar. Wettquh mhux minn waħda jidħol u minn oħra joħroġ. Qed ngħid lilkom hekk għax naf li tippruvaw twasslu l-karba tal-batut u taż-żgħir u tal-vulnerabbli. Min għadu jitkellem fuqhom llum? Allara ngħid irid ikun hemm il-kuntatt man-nies u dan importanti għal ġurnaliżmu. Jien naħseb li l-ewwel ħaġa il-ġurnalisti tridu tkunu tafu x’jagħmilkom ġurnalisti. Bħal dik li tizbogħ xagħra, jagħmilha mara għax sinciera. Il-ġurnalist l-istess. Illum toħroġ tgħid ħaġa li ma taqbilx mal-kurrent jippruvaw isikktuk. Jagħqulek ħalqek. Jirredikolawk. Jgħidulek li żmagajt. Anki lili hekk qaluli ‘żmagajt int ukoll’”.

Jieqaf għal mument. Iħares lejna u jistaqsina “se nibqgħu noqtlu il-profeti?”.

Ikompli “irridu nagħmlu s-sagrifiċċju x’imkien. In-nies illum ma jridux jisimgħu b’sagrifiċċji. Kulħadd jitwerwer mis-sagrifiċċji. Irridu l-lussu, ngħixu komdi u ma nafx x’iżjed. Nemmen li quddiem dak li għaddej fis-soċjetà tagħna, kif tmermer kollox, hemm bżonn il-ġurnalisti li jagħtu is-sustanza.

Mhux li jimxu mal-kurrent, li jagħtu is-sustanza. Nemmen li jekk il-ġurnalisti jidħol għal biċċa xogħol bħal din ikunu għamlu xi ħaġa tajba ħafna fl-istorja ta’ Malta. Qed nitkellem fuq li tibnu l-fiduċja. Jrid ikollok il-ġebel u terfgħu fuq spallejk. Għandkom rwol importanti. Qiegħed ngħidha lilek għax nemmen fik”.

Ekonomija

Sport