Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdiet minn meta kont żgħir ħafna ta’ 5-6 snin mill-iskola, il-MUSEUM, fit-triq ma’ sħabi … l-aqwa li nilagħbu l-futbol!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Għarb Rangers FC.
Ma’ Għarb Rangers FC qisna familja żgħira … kullħadd magħqud flimkien!
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Dan l-istaġun hu wieħed pożittiv għalina. Qegħdin fl-ewwel post tad-Diviżjoni tagħna u minkejja kollox qegħdin nieħdu gost ħafna flimkien!
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragward huwa dejjem il-logħba li jmiss … li nirbħu dejjem il-logħba li tkun ġejja!
Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent?
Il-livell tal-futbol f’Għawdex naħseb li dejjem hemm fejn jitjieb bħal kollox.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala riżorsi fejn nitħarrġu l-Għarb huma tajbin ħafna fejn għandna l-grawnd tagħna. Rigward fejn jintlagħab il-logħob kompetittiv naħseb li nistgħu ntejbu ħafna aktar.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi fil-futbol sfortunatament qed jiġi fi tmiemu. Bħal kollox kull bidu fih it-tmiem. Biss kienet avventura sabiħa ħafna li żgur li se nħoss ħafna n-nuqqas tagħha!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Messaġġ għal min jixtieq jagħmel karriera sabiħa fil-futbol hi li joħlom! Joħlom ħafna! Ma jaqta’ qalbu qatt u jmur għal kull sessjoni ta’ taħrig u logħba ferħan!



