F’reazzjoni ma’ Talk.mt rigward l-allegazzjoni li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni iktar qabel, kelliem għall-Pulizija qalilna li l-Pulizija rċeviet rapport ta’ persuna li kien wiċċu mgħotti u li kien qiegħed jaġixxi b’mod suspettuż quddiem il-parlament.
Il-Pulizija bħalma tagħmel f’kull rapport ħadet il-każ b’serjetà kbira u marret minnufih fuq il-post. Ġara li mal-wasla tagħhom, iż-żagħżugħ prova jaħrab minn fuq il-post u dan kompla jżid is-suspett tal-Pulizija.
Iż-żagħżugħ ġie miżmum, ittieħed f’għassa tal-Pulizija, sarulu xi mistoqsijiet u ġie meħlus ftit wara li ġie stabbilit li ma kienx hemm intenzjonijiet ħżiena fl-imġiba tiegħu.
Il-Kelliem għall-Pulizija ċċara li ż-żagħżugħ ma ġiex miżmum minħabba l-banner tant li l-istess banner tħalla mwaħħal.
Aktar qabel: Bernard Grech jallega li żagħżugħ ġie arrestat fuq twaħħil ta’ banner
Illum qiegħda titkompla d-diskussjoni parlamentari rigward l-abbozz ta’ liġi li jemenda liġijiet varji dwar il-bini u l-kostruzzjoni.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech allega li kien hemm żagħżugħ li spiċċa arrestat wara li waħħal banner faċċata tal-bini tal-Parlament.
Skont Grech il-Pulizija waqqfet dan iż-żagħżugħ wara li huwa deher iwaħħal il-banner #JUSTICEFORJEANPAULSOFIA.
“Għal dawn in-nies qegħdin il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. Imisskom tistħu! U kif kemm-il darba ngħidilkom, intkom qegħdin hemm għal min u b’saħħtu u għal min hu korrott u kriminali”, tenna Grech.