Sunday, December 22, 2024

“Ma jibqax sagrifiċċju meta jċemplulek biex tgħin tifel marid bil-kanċer fil-bżonn tal-pjastrini”

Donatur tal-pjastrini jispjega dwar il-proċess u s-sodisfazzjon.

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem Talk.mt żar iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-demm fejn iltqajna ma’ diversi donaturi li minn fommhom ħareġ l-istess diskors. Kollha kelma waħda dwar is-sodisfazzjon li jkunu taw ftit ħin minn ħajjithom biex isalvaw persuni li mingħajr l-għotja tad-demm tagħhom ikunu mdendlin fuq ħajta bejn ħajja u mewt. Tkellimna wkoll ma’ wħud mill-istaff tal-post fejn sirna nafu dwar il-proċedura meħtieġa biex jassiguraw li jissalvagwardjaw kemm lid-donatur kif ukoll lill-pazjent kif ukoll dwar l-introduzzjoni tas-sistema tal-appuntamenti li mistennija żżid l-effiċjenza fil-post.

Minbarra d-donaturi li l-aktar li naraw fuq id-diversi appelli li ċ-ċentru jagħmel matul is-sena, ftit ’il ġewwa minnhom iltqajna ma’ raġel ta’ 30 sena li biex ngħidu hekk minħabba li jkun imsejjaħ biex jagħti donazzjoni pjuttost speċjali jkollu jieħu daqsxejn ħin mhux ħażin. Iżda bħal ħafna oħrajn, Nicholas Farrugia beda jagħti donazzjonijiet ta’ demm biex ngħidu hekk b’mod sħiħ mingħajr ebda separazzjoni ta’ ċelloli. Qalilna li kollox beda meta xi qraba tiegħu kienu għaddejjin minn numru ta’ interventi mediċi u skopra dwar id-domanda kbira tad-demm. Huwa qalilna li għalkemm bħal ħafna oħrajn, għall-ewwel donnu ħassu xi ftit imbeżża’, sa mill-ewwel darba li rifes fiċ-Ċentru ngħata servizz professjonali fejn ngħata kull tip ta’ informazzjoni dwar il-proċess. 

“Bħal ħafna oħrajn li jibqgħu lura minħabba l-biża’ mil-labra, meta ġejt u tajt l-ewwel għotja fhimt kemm fil-verità t-tingiża tinħass mill-inqas u minn dakinhar ’l hawn infatti tajt diversi drabi”, kompla biex jgħidilna Farrugia. 

Wara numru ta’ għotjiet, huwa kien ikkuntattjat mill-amministrazzjoni taċ-ċentru biex jagħti donazzjonijiet differenti – donazzjonijiet ta’ pjastrini.

Bażikament Farrugia kien qiegħed jagħmel l-għotja tal-pjastrini wara li rċieva telefonata minħabba l-bżonn urġenti ta’ pjastrini fuq talba mill-Isptar Mater Dei minħabba tifel marid bil-kanċer. Id-donaturi magħżulin biex jagħtu l-pjastrini jingħataw permess speċjali mingħand min iħaddem biex jitilqu minn fuq il-lant tax-xogħol anke minħabba l-opra ta’ karità tant bżonjuża li jkunu qegħdin iwettqu. Mistoqsi minn Talk.mt rigward is-sagrifiċċju biex jiddedika sagħtejn mill-ġurnata li jista’ jkun fassal mod ieħor, Farrugia qalilna li għalih li jirċievi telefonata bħal dik fejn jaf li minn dak li għandu se jkun qiegħed jgħin xi ħadd li għaddej minn żmien ferm aktar diffiċli hemmhekk ma jibqax sagrifiċċju.

Il-proċedura tal-għoti tal-pjastrini minn donatur wieħed hija proċedura interessanti fejn id-demm sħiħ tad-donaturi joħroġ f’intervalli, jiġi ċċentrifugat u t-tliet prodotti ta’ ċelloli ħomor, plażma u pjastrini jiġu separati. Iċ-ċelloli l-ħomor u l-plażma jerġgħu jingħataw lura lid-donatur, filwaqt li l-pjastrini jiġu miġbura f’borża separata (dik imdendla mal-ħadida l-mimduda tal-magna). Il-pjastrini minn donatur wieħed jingħataw lin-nies morda bil-kanċer, inklużi t-tfal. 

Il-Bank tad-Demm tal-Isptar Mater Dei jitlob pjastrini minn donatur wieħed ħames darbiet fil-ġimgħa. F’termini ta’ numri dawn jammontaw sa għaxar dożi (boroż) disponibbli għall-pazjenti. Il-proċedura tieħu madwar siegħa, iżda b’kollox Farrugia u donaturi oħrajn tal-pjastrini huwa stmat li jdumu fiċ-ċentru sagħtejn minħabba testijiet żgħar qabel bħalma huma l-livell tad-demm, deni u pressjoni kif ukoll xi ħin wara l-proċedura biex ikun żgurat li hu jinsab tajjeb, jitrejjaq b’xi ħaġa provduta miċ-ċentru u finalment ikun jista’ jħalli l-post biex ikompli bil-ġurnata tiegħu. Barra minn hekk id-donaturi tal-pjastrini jistgħu jagħtu donazzjonijiet aktar frekwenti fejn huwa possibbli li jagħmlu donazzjoni kull sitt ġimgħat.

Farrugia fl-appell tiegħu saħaq dwar l-importanza li dak li jkun mhux biss ikun ġeneruż u jersaq biex jagħti donazzjoni ta’ demm, iżda anke jirrispetta lill-pazjenti li jkunu qegħdin jistennewha. Huwa fakkar dwar il-bżonn li dak li jkun jiekol tajjeb u jixrob tajjeb. Fakkar li minkejja li dak li jkun forsi jsibha aktar diffiċli biex joqgħod lura minn ċertu affarijiet bħalma huwa l-alkoħol f’dawn il-jiem ta’ festi jew fi tmiem il-ġimgħa, tajjeb li niftakru kemm aħna fortunati li għandna saħħitna u kemm tkun ħaġa sabiħa li naqsmuha mal-oħrajn.

Ekonomija

Sport