Raymond Caruana ta’ 69 sena ma nstabx ħati mill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li tajjar tifel ta’ 11-il sena. Il-Qorti qalet li kien it-tifel li qasam għal arrieda minn bejn il-karozzi.
Caruana kien mixli li fl-2018 waqt li kien qiegħed isuq Taxi f’Pembroke weġġa’ gravi tifel. Hu kien akkużat ukoll li dakinhar saq b’mod traskurat u perikoluz. Wara l-inċident it-tifel kien ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li kien fil-periklu tal-mewt tant li għamel xi żmien fl-ITU.
Il-Prosekuzzjoni qalet li t-tifel minħabba l-inċident kien sofra minn tbenġila f’rasu, brixx fuq wiċċu u rkopptejh u laċerazzjoni fuq il-fwied u ksur tal-pelvis.
Waqt il-każ, uffiċjal tal-pulizija xehed li kien daħal rapport li kienet ittajret persuna. Qal li meta hu flimkien ma’ kollegi waslu fuq il-post sabu tifel mal-art u karozza wieqfa quddiemu.
Hekk kif kienu tkellmu ma’ Caruana dan kien qallhom li t-tifel qabad u qasam għal għarrieda. Fl-inħawi fejn seħħ l-inċident kien hemm traffic lights, iżda għal xi raġuni t-tifel ma qasamx minn fuqhom. Xehed ukoll li kien għamel it-test tal-alkoħol lix-xufien, iżda dan ma rriżultax li ien taħt l-effett tal-alkoħol.
Waqt il-proċeduri kiex xehed ukoll it-tifel fejn qal li kien qasam minn fuq it-traffic lights iżda ma jiftakarx jekk għafasx id-dawl biex il-vetturi jieqfu.
Xehed ukoll ix-xufien fejn qal li l-inċident seħħ wara li qabeż it-trafic lights u kien hawn li t-tifel ħareġ f’daqqa minn wara karozzi pparkjati.
Min-naħa tiegħu l-Perit tekniku li kien imqabbad mill-Qorti qal li bejn nofs it-trafffic lights u fejn waqfet il-karozza kien hemm distanza ta’ 12.9 metri. Qal li fit-triq ma kienx hemm marki tal-breaks u l-ħsara fuq il-karozza kienet moderata. Xehed li x-xufien kien qed isuq b’veloċità ta’ bejn 40 u 50 km fis-siegħa.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-Prosekuzzjoni naqset milli tressaq provi ċari li t-tifel kien qasam minn fuq it-traffic lights. Qalet ukoll li hu evidenti li l-kaorzza ma kinitx qed tinsaq b’veloċità kbira għax la kellha ħsara kbira u lanqas kien hemm marki tal-breaks.
Għalhekk qalet il-Qorti li ma tistax teskludi li l-vittma qasam għal għarrieda minn bejn il-kaorzza u għalhekk ix-xufien ma setax jevitah.
Il-Qorti lliberat lil Caruana minn kull akkuża wara li ma sabitux ħati.