Sunday, December 22, 2024

Ma jinstabx ħati li kkaġuna l-mewt taż-żagħżugħ Matthew Bartolo

Aqra wkoll

Raġel ta’ 46 sena li jaħdem ġo fabbirka, ma nstabx ħati li kkawża l-mewt ta’ żagħżugħ, li tilef ħajtu fuq il-post tax-xogħol lura għall-2015.

David Peter Blundell ta’ 46 sena residenti Wied il-Għajn kien mixli li fl-4 ta’ Ġunju tal-2015, naqas milli jagħti superviżjoni u ma ħarisx is-sigutá tal-kollega tiegħu, Matthew Bartolo f’inċident li swielu ħajtu fuq il-post tax-xogħol.

Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, ġie spjegat x’ġara dakinhar tal-inċident. Intqal li dakinhar Bartolo kien qed jaħdem taħt iis-superviżjoni ta’ Blundell, minħabba li Bartolo kien għadu żgħir fl-etá. Ingħad li l-inċident seħħ mument biss, wara li Blundell u Bartolo qiegħdu folja tal-injam fuq il-medja tal-magna sabex ikun jista’ jinħadem il-bieb.

Mix-xhieda li kienu preżenti fil-Qorti, ħareġ li ż-żagħżugħ inqabad ma’ magna u li l-istess magna kienet inxtelgħet mill-akkużat. Madankollu, fil-Qorti ntqal li qabel ma xegħel il-magna, David Peter Bludndell aċċerta ruħu għal darba darbtejn ma’ Bartolo

Fil-Qorti intqal li ż-żewġ ħaddiema li jaħdmu fl-istess post, ftit ħin qabel l-inċident poġġew folja fuq il-mejda. Min-naħa tiegħu, l-akkużat qal li ra lil Bartolo jagħlaq il-bieba warajh u jagħfas il-pedala. Malli għafas il-pedala, il-magna bdiet tagħmel il-ħsejjes. Hekk kif bdiet tagħmel il-ħsejjes, l-akkużat saqsa lil Bartolo jekk hux kollox sew u dan wieġbu li kollox sew.

Il-Maġistrat Leonard Caruana, li pproseda l-każ qal li fil-fehma tal-Qorti, bil-liġi, ir-responsabilità tal-operatur fil-każ ta’ magna li taħdem b’mod awtomatiku, issib il-qofol tagħha fil-mumenti li jwasslu sakemm tinxtegħel il-magna. L-operatur irid jassigura ruħu li qabel ma tinxtegħel il-magna u fil-mument li tinxtegħel, ma jkun hemm periklu għall-ebda persuna fil-viċinanzi. Fil-fehma tal-Qorti, dan l-obbligu l-akkużat wettqu billi aċċerta ruħu kemm viżwalment mal-vittma u anki staqsieh darbtejn direttament jekk kienx kollox sew qabel ma xegħel il-magna.

Il-Qorti żiedet li ġie nnutat., li minkejja li kien hemm biżżejjed provi dwar dak kollu li ġara qabel ma nxtelgħet il-magna, ma kien hemm l-ebda prova dwar x’seta’ seħħ dak il-mument li nxetlgħet il-magna sakemm seħħ l-inċident. Filwaqt li esprimiet is-sogħba tagħha għal dan l-inċident fi kliemha traġiku u sfortunat, il-Qorti kkonkludiet li ma tarax lil David Peter Blundell li naqas mill-obbligi imposti fuqu.

Ekonomija

Sport