Monday, November 4, 2024

Ma jinstabx ħati li stupra mara erba’ darbiet fl-appartament tiegħu

Aqra wkoll

Mustafa Abu Seadah, Libjan ta’ 43 sena ma nstabx ħati li stupra tfajla, żammha kontra r-rieda tagħha u weġġagħha ħafif.

Il-każ kien seħħ fl-2018 meta t-tfajla li allegat li ġiet stuprata kellha 21 sena. Il-Prosekuzzjoni qalet li t-tfajla kienet għamlet rapport fl-għassa tal-belt li kellha relazzjoni sesswali mal-akkużat mingħajr il-kunsens tagħha u dan seħħ mill-inqas f’erba’ okażżjonijiet differenti. Fir-rapport kienet qalet li kienet taħdem mal-imputat fil-belt Valletta stess. Allegat li kienet inżammet fir-residenza tiegħu kontra l-volonta tagħha u anke weġġagħha ħafif.

L-akkużat kien ammetta li kellu x’jaqsam sesswalment mat-tfajla, iżda dan dejjem sar bil-kunsens tagħha.

Il-Prosekuzzjoni qalet li t-tfajla kienet qaltilhom li l-ewwel darba li seħħ il-każ, l-akkużat kien ġab skuża biex titla’ miegħu d-dar biex tgħinu jikteb email. Skont it-tfajla qatt qabel ma kien għamel xi avanzi fuqha jew għadda xi kummenti.

It-tfajla qalet li xħin daħlu d-dar neża’ għarwien u qallha li hu dejjem hekk joqgħod id-dar. Qalet li kien intefa’ fuq is-sodda u beda jmiss lilu nnifsu u kien hawn li ġibidha lejh. It-tfajla kienet qalet li xħin provat tqum biex titlqa ma ħallijix u beda jneħħilha l-ħwejjeġ.

Dakinhar l-akkużat kien talabha skuża u ħafritlu. Iżda xi ġimgħa wara hu reġa’ talabha biex terġa’ tmur miegħu d-dar biex tgħinu jikteb email oħra. Kif daħlu hu reġa’ neħħa l-ħwejjeġ u talabha tgħannqu u neżżagħha.

Kompliet tgħid li t-tielet darba ġrat meta kienet se titlaq kmieni minn fuq il-post tax-xogħol u l-akkużat ċemplilha biex terġa’ tmur biex tikteb email. Qalet li kienet marret id-dar tiegħu, iżda qadet attenta għax ma kienitx qed tafdaħ. Stqarret li meta daħlet fil-kamra tas-sodda sabitu għarwien u ma riditx tidħol. Qalet li hu sfurza u abbuża sesswalment.

Dwar ir-raba’ inċident qalet li kienet marret għandu biex iħallasha u wkoll dakinhar reġa’ jipprova jistupraha. Xehded li kienet irċiviet telefonata u anke rċiviet messaġġ mingħand l-għarus.

Qalet dwar dak li kien ġara kienet tkellmet mal-għarus u kien hawn li marret tagħmel rapport l-għassa. Fil-Qorti, it-tfajla kkonfermat li kienet bagħtet messaġġ lil akkużat u qaltlu li tħobbu.

Fix-xhieda tiegħu l-Libjan qal li t-tfajla bdiet taħdem miegħu u bdiet turih li l-ħin kollu moħħha fih. Qal li darba minhom marret tbusu u darba qaltlu li tħobbu. Dakinhar wara li spiċċaw mix-xogħol kienet marret miegħu d-dar u bdiet tgħidlu biex jgħamlilha l-messaġġi u anke provokatu li jkollhom relazzjoni sesswali.

Qal li t-tieni darba staqsietu biex imorru d-dar tiegħu u hekk kif daħlu bdiet tbusu u kellhom x’jaqsmu flimkien. Xehed li hi kienet se tinkixef mal-għarus li qed teqlibhielu għamlet rapport li qed jistupraha.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li wara li għarblet ix-xhieda tat-tnejn, innotat li hija marret għand l-akkużat b’mod volontarju. Ġie nnutat ukoll li miċ-chats joħroġ ċar li kien hemm ħbiberija bejnithom li tmur ħafna lil hinn minn kollegi.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li semgħet il-każ qalet li wara li kellhom relazzjoni sesswali hi baqgħet id-dar tiegħu u mhux qabdet u telqet.

Għalhekk, il-Qorti ma sabitx ħati lil Mustafa Abu Seadah, u illiberatu minn kull akkuża.

Għal Mustafa Abu Seadah deher l-Avukat Stefano Filletti.

Sport