Friday, May 30, 2025

Ma jinstabx ħati ta’ attentat ta’ qtil iżda ħati biss li ddefenda ruħu b’mod eċċessiv

Aqra wkoll

Daniele Vitale, minn Sqallija ġie lliberat minn akkużi ta’ attentat ta’ qtil. Li kieku nstab ħati seta’ jeħel sa massimu ta’ 40 sena ħabs. Iżda hu nstab ħati li weġġa’ gravi lil sieħbu f’appartament meta ddefenda lilu nnifsu b’mod eċċessiv. Il-Qorti qalet li hu kien qiegħed jiddefendi lilu nnifsu, iżda għamel dan b’mod b’mod eċċessiv u għalhekk ġie kkundannat sentejn ħabs.

Il-każ seħħ seba’ snin ilu meta f’Settembru tal-2018 hu ġie akkużat li ta diversi daqqiet ta’ sikkina lil Mirko Basile fl-appartament fejn kienu jgħixu. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-mottiv tal-attakk kien għax Basile rrifjuta li jgħinu biex jirranġa ma’ tfajla u għalhekk kien irrabjat.

Waqt il-ġuri li sar quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera intqal li dakinhar tal-inċident, Basile kien mar l-Għassa ta’ San Ġiljan mimli demm. Hu kien għamel rapport mal-pulizija li kien qala’ daqqiet ta’ ssikkina. Minn hemm hu kien ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li kien jinsab fil-periklu tal-mewt. Hu kien anke ġie operat darbtejn. Il-Prosekuzzjoni qalet li hu kellu daqqiet fil-fwied u fis-sider, kif ukoll daqqiet fondi fil-polz u l-pala ta’ jdejh.

Hekk kif il-pulizija marru fl-appartament indikat mill-vittma sabet id-demm kemm fil-komun u anke fl-appartament. Hemm il-pulizija sabu televiżjoni u PlayStation fl-art u bord tal-mogħdija f’nofs il-kuritur. Huma sabu żewġ skieken, waħda minnhom bid-demm fuqha.

Il-Prosekuzzjoni qalet li waqt l-investigazzjoni l-Pulizija kienet tkellmet mal-ħabiba tal-imputat li kienet marret quddiem l-appartament ftit wara li Basile safa aggredit. It-tfajla qalet lill-pulizija li rat lil Basile ħiereġ mill-blokk tal-appartamenti u qalilha li safa ferut b’sikkina. Ftit ħin wara, Vitale ħareġ u deher sejjer fid-direzzjoni opposta. Wara huwa ta lilu nnifsu lill-pulizija fl-għassa tal-Belt.

Min-naħa tiegħu l-vittma kien qal lill-Pulizija li hu kien għadu kemm wasal Malta fil-lejl tal-inċident.

Il-vittma kien qal lill-pulizija li kien sema’ l-qanpiena tal-bieb idoqq, iżda kien xorta baqa’ fis-sodda. Skont il-vittma l-imputat kien daħal fl-appartament, daħal fil-kamra tas-sodda fejn kien hu u beda jagħtih b’sikkina. Basile ħareġ mis-sodda u pprova jiddefendi lilu nnifsu bil-bord tal-mogħdija iżda Vitale kompla jattakkah b’sikkina. Basile qal li rnexxielu jimbutah fl-art u ħarab.

Il-ġurati wara li semgħu l-każ sabu lill-imputat ħati li weġġa’ gravi lil Mirko Basile, iżda dan seħħ biex jiddefendi lilu nnifsu.

L-avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kevin Valletta u Kaylie Bonett mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-akkużat. Il-prokuratur legali Peter Paul Zammit assista lill-vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport