Newrologu Malti u newrokirurgu Ingliż ma nżammewx responsabbli għad-diżabilità permanenti li pazjenta sofriet f’wiċċha hekk kif il-Qorti kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda nuqqas professjonali dwar il-mod kif aġixxew fil-kura tagħha.
Il-pazjenta kienet fetħet kawża quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Dr Anthony Galea Debono u kontra n-newrokirurgu Ingliż James Palmer.
Fil-kawża l-mara kienet allegat li kienet sofriet tbatija u konsegwenzi permanenti wara intervent mediku relatat ma’ kundizzjoni newroloġika li, skont tagħha, kienet ġiet iddijanjostikata ħażin.
Il-pazjenta qalet quddiem il-qorti li kienet bdiet tħoss uġieħ qawwi u anke sensazzjoni ta’ ħruq f’wiċċha, u għalhekk kienet fittxet parir mediku mingħand Dr Galea Debono. Xehdet li Galea Debono kien ikkonkluda li hija kienet tbati mill-kundizzjoni magħrufa bħala ‘trigeminal neuralgia’ u beda jikkuraha permezz ta’ diversi mediċini.
Iżda hekk kif baqa’ għaddej iż-żmien, dan it-trattament ma tax ir-riżultati mixtieq u għalhekk il-mara kienet ġiet riferuta għand in-newrokirurgu Ingliż James Palmer, li jaħdem fin-National Hospital fir-Renju Unit.
Il-mara qalet li l-intervent li sar fl-Ingilterra ma rnexxiex u li wara dan wiċċha safa mtarrax, beda jintefaħ u jiħmar, u spiċċat tbati minn diżabilità permanenti.
Kompliet tgħid li wara bdiet tfittex parir ieħor mingħand professjonisti mediċi differenti. Hija kienet ġiet mgħarrfa li fil-fehma tagħhom ma knitx qed tbati mit-‘trigeminal neuralgia’, u għalhekk fetħet il-kawża kontra ż-żewġ tobba.
L-Imħallef Joanne Vella Cuschieri wara li semgħet il-provii kollha mressqin kemm mill-pazjenta u anke mit-tobba li kontrihom infetħet il-kważa ikkonkludiet li ma tressqu ebda elementi li fuqhom setgħet tinżamm responsabbiltà professjonali fil-konfront tagħhom.
Il-Qorti nnutat li d-dijanjożi li ngħatat lill-mara minn Dr Galea Debono u Dr Palmer kienet konsistenti ma’ dik mogħtija minn diversi tobba oħra li raw lill-pazjenta tul is-snin. L-Imħallef semmiet ukoll li wieħed mill-esperti sab li l-mara setgħet kienet qed tbati minn dik li tissejjaħ ‘atypical facial pain’, iżda lanqas hu ma eskluda kompletament il-possibbiltà tat-‘trigeminal neuralgia’.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li kien ġie ooservat ukoll li meta ngħataw id-dijanjożi oriġinali, iż-żewġ tobba ma kellhomx l-istess livell ta’ informazzjoni u għodda dijanjostiċi li huma disponibbli llum, partikolarment fid-dawl tal-iżviluppi fir-riċerka medika u fit-teknoloġija tal-immaġini bħall-MRI, li matul is-snin saru aktar avvanzati u dettaljati.
Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-pazjenta u kkonkludiet li la Dr Galea Debono u lanqas Dr Palmer ma jistgħu jinżammu responsabbli għat-tbatija u d-diżabilità li sofriet il-mara.



