L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard ħa sehem fil-laqgħa konġunta bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Unjoni Afrikana li saret f’Midrand, l-Afrika t’Isfel, bi tħejjija għas-Summit li ġej bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea li se jimmarka l-25 anniversarju ta’ din is-sħubija importanti.
Bħala Ewroparlamentari Malti, Attard fisser kif Malta tifhem sewwa illi ma jistax ikun hemm sigurtà dejjiema fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm stabbiltà fl-Afrika, u li għalhekk il-futur taż-żewġ kontinenti huwa marbut b’mod profond.
F’intervent waqt is-sessjoni plenarja, Attard tenna li dan għandu jkun il-prinċipju li jmexxi s-sħubija bejn iż-żewġ kontinenti, speċjalment f’mument ta’ inċertezzi ġeopolitiċi.
Daniel Attard żied li s-sigurtà u l-istabbiltà huma intrinsikament marbuta mal-prosperità, u għalhekk jiddependu minn żvilupp inklussiv u opportunitajiet għall-popolazzjoni żagħżugħa tal-Afrika li tista’ tilħaq il-potenzjal tagħha biss permezz ta’ ekonomiji lokali reżiljenti.
Attard għalhekk appella għal aktar appoġġ Ewropew għall-industrijalizzazzjoni fl-Afrika u żieda fil-valur miżjud lokalment, aktar milli sfruttament. Dan mhuwiex biss ġust iżda wkoll meħtieġ biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jibnu l-futur tagħhom f’pajjiżhom stess minflok jirriskjaw ħajjithom fi vjaġġ perikoluż fejn jispiċċaw vittmi ta’ abbuż u sfruttament taċ-ċrieki kriminali tat-traffikar tal-bnedmin.
Daniel Attard ikkonkluda billi l-ispirtu kostruttiv taż-żewġ parlamenti u tenna l-impenn tiegħu, bħala Membru tal-Parlament Ewropew, għal sħubija bbażata fuq l-ugwaljanza, il-fiduċja u l-benefiċċju reċiproku taż-żewġ kontinenti.

