Il-Qorti tal-Appell bidlet sentenza tal-Ewwel Qorti, li kienet iddikjarat li l-awditur Brian Tonna kien vittma ta’ sur ta’ jedd fundamentali għal smiegħ xieraq u li ruling mill-Ispeaker Anġlu Farrugia kien fikser id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq. Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li ma jistax jiġi kkunsidrat li Brian Tonna kien vittma ta’ ksur tal-jedd fundamentali għal smigħ xieraq. Għalhekk il-Qorti tal-Appell ħassret dik il-parti tas-sentenza tal-Ewwel Qorti li laqgħet it-talba ta’ ksur tal-jedd fundamentali għal smigħ xieraq u ċaħdet l-istess talbiet.
L-appell kien jitratta dak li ġara f’seduti tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-21 u 28 ta’ April tas-sena 2021 u 5 ta’ Mejju ta’ l-istess sena li fihom xehed l-awditur Brian Tonna kif ukoll dwar ruling li ngħata mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti fid-19 ta’ April ta’ l-istess sena.
Il-fatti kienu li fil-21 ta’ Mejju tas-sena 2018 ingħata digriet minn Maġistrat Inkwirenti dwar rikors preżentat minn Dr Simon Busuttil u David Casa sabiex tinfetaħ inkjesta fuq il-persuni li jissemmew fir-rikors, fosthom Brian Tonna. Ir-reati imputati jinkludu ħasil ta’ flus u dikjarazzjoni falza lill-awtorità pubblika. Kien issemma ftehim li sar bejn SOCAR Trading u l-Electrogas għall-bejgħ ta’ gass matul perjodu ta’ tmintax-il sena. Jissemmew ukoll kumpaniji bħal 17 Black, Tillgate u Hearnville. Kumpaniji allegatament konnessi mal-każ tal-impjant tal-enerġija. B’dak id-digriet il-Maġistrat Inkwirenti filwaqt li kkonkluda li l-prerekwiżiti meħtieġa mil-liġi kienu jidhru li jeżistu sabiex tinfetaħ inkjesta, ordna li l-atti tar-rikors u dokumenti jintbagħtu quddiem l-Qorti Kriminali biex jifformaw parti mill- inkjesta ordnata bid-digriet tas-26 ta’ Lulju 2017 ġaladarba kienet diġà ġiet ordnata inkjesta fuq il-fatti allegati fir-rikors promotur.
L-Awditur Ġenerali kien għamel investigazzjoni u f’Novembru tas-sena 2018 ippubblika rapport dwar kuntratti li ngħataw lil Electrogas Malta Ltd mill-Enemalta. Dan wara li membri fil-Kumitat Permanenti dwar Kontijiet Pubbliċi talbuh jinvestiga l-mod kif mexa l-Gvern waqt u wara l-għoti ta’ kuntratt biex tinbena power station ġdida.
F’Marzu tas-sena 2021, Brian Tonna flimkien ma’ nies oħra tressaq il-Qorti taħt arrest u fis-6 ta’ April tas-sena 2021 ingħata l-ħelsien mill-arrest.
B’ittra tad-9 ta’ April il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi bagħat jgħarraf lil Tonna li kellu jidher quddiemu biex jirrispondi għall-mistoqsijiet dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Mal-ittra ntbagħtu linji gwida għal xhieda li jidhru quddiem il-Kumitat u li fih jingħad, li xhud għandu obbligu li jwieġeb għad-domandi li jsirulu, soġġett għal dak li jingħad f’paragrafu 19. Xhud li jirrifjuta li jwieġeb domandi jista’ jiġi rapportat lill-Kamra.
Mis-sentenza joħroġ li fis-seduta tal-14 ta’ April wara li Tonna ingħata l-ġurament, irrifjuta li jwieġeb għad-domandi li saru. Hu kien invoka l-jedd tas-silenzju. Għal dik is-seduta Brian Tonna kien assistit minn avukat.
Fit-traskrizzjoni ta’ dak li ingħad waqt is-seduta, id-difensur ta’ Tonna qal lill-Kumitat, “Ma ninsewx li x-xhud huwa akkużat b’ħasil ta’ flus f’kawża l-Qorti. Ma ninsewx ukoll li l-prosekuzzjoni, l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija la għandhom il-bżonn li jippruaw il-‘predicate offence’ u lanqas li jgħidulna x’inhu l-‘predicate offence’. Jiġifieri s-sur Tonna qiegħed jeżerċita d-dritt tas-silenzju anke minħabba dan il-fatt”. Waqt dik il-laqgħa ittieħdet id-deċiżjoni li ssir referenza lill-Ispeaker sabiex jagħti ruling.
Fid-19 ta’ April 2021 l-Ispeaker ta ruling li bih iddeċieda li Tonna għandu jedd li ma jweġibx għal domandi li skontu jew l-avukat tiegħu jistgħu jinkriminawh, u f’dan ir-rigward is-sedja ma tistax tiġi mitluba tiddelibera dwar jekk mistoqsija għandhiex tkun imwieġba jew le.
Ġara li fl-24 ta’ Mejju Tonna fetaħ kawża fejn ilmenta minn ksur tal-jedd fundamentali għal smigħ xieraq protett taħt l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u l-Art. 6 tal-Konvenzjoni Ewropea. Sostna li d-dritt tas-silenzju jibda mill-istadju bikri tal-investigazzjoni u mhux biss meta persuna tkun akkużata.
L-Ewwel Qorti fid-deċiżjoni tagħha kienet iddikjarat li r-Ruling ta’ l-Speaker tal-Kamra tad-Deputati tad-19 ta’ April, 2021, jikser id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq kif sanċit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea u mill-Artikolu 39 tal- Kostituzzjoni ta’ Malta in kwantu jobbligah jirrispondi għall-mistoqsijiet mill-membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi li jistgħu jiksrulu d-dritt ta’ smigħ xieraq.
L-Ewwel Qorti kienet iddikjarat ukoll li kull xiehda mogħtija mill-esponent u kull dokument minnu esibit fuq talba tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi hi leżiva tad-dritt fondamentali tiegħu sanċit mill-Artikolu 6 tal- Konvenzjoni Ewropea u mill-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Minn naħa tagħha l-Qorti tal-Appell iddikjarat li “jibqa’ l-fatt li quddiem l-Ewwel Quart kellu altru milli biżżejjed żmien u opportunità sabiex iressaq il-provi li ried biex juri li fiż-żmien rilevanti, jiġifieri meta saru s-seduti mill-Kumitat li fihom xehed Brian Tonna, kien suspettat li wettaq reati in konnessjoni mal-każ tal-power station. Prova li m’għamilx. Ma jistax jippretendi li fl-istadju tal-appell jagħmel dak li naqas milli jipprova jagħmel quddiem l-Ewwel Qorti.”
Kompliet tgħid li jekk għad-domandi li kienu qegħdin isiru mill-membri tal- Kumitat, Tonna kien tal-fehma li b’xi mod jista’ jinkrimina lilu nnifsu, kellu jedd li ma jweġibx u dan skont paragrafu 19 tal-Guide for Witnesses appearing before the Public Accounts Committee of the House of Representatives. Pożizzjoni li l-iSpeaker għamilha ċara fir-ruling li ta fid- 19 ta’ April 2021. Tant hu hekk li qal li x-xhud kellu dritt, “….. li jirrifjuta mingħajr kwalifiki li jwieġeb għal domandi li jaħseb li jistgħu jinkriminawh, is-sedja ma tistax tiġi mitluba tiddelibera dwar jekk mistoqsija għandhiex tiġi mwieġba jew le”. Wieħed ma jridx jinsa wkoll li f’kull seduta Tonna kien assistit mill-avukat ta’ fiduċja tiegħu li ovvjament kellu kull opportunità li jintervjeni jekk kien tal-fehma b’xi domanda, il-klijent tiegħu seta’ jinkrimina lilu nnifsu bit-tweġiba li jagħti.”
Għalhekk fin-nuqqas ta’ provi Brian Tonna ma jistax jiġi kkunsidrat li kien vittma ta’ ksur tal-jedd fundamentali għal smigħ xieraq. L-oneru tal-prova kien fuqu, u din kellha tkun il-prova li fiż-żmien li kien qiegħed jixhed quddiem il-Kumitat x’aktarx kien suspettat li wettaq reati konnessi man- negozju tal-impjant tal-enerġija. Il-fatt li snin wara tressaq il-Qorti dwar dak il-każ, ma jfissirx li fiż-żmien rilevanti kien suspettat jew kien antiċipat li ser jitressaq il-Qorti u jiġi akkużat. Hu veru li fit-tieni seduta li saret quddiem il-Kumitat issemma li kien hemm inkjesta bil-Maġistrat u f’ħin minnhom l- avukat ta’ Tonna qal li l-klijent tiegħu kien suspettat. Però l-fatt waħdu li seta’ kien hemm inkjesta bil-maġistrat, ma jfissirx li Tonna kien suspettat. Jekk meta xehed f’inkjesta kien suspettat, il-Qorti tifhem li kien jingħata t-twissija mill-Maġistrat Inkwirenti. M’hemmx prova li Tonna ingħata twissija”, tiddikjara l-Qorti tal-Appell.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti iddeċidiet li l-maġġoranza tal-ispejjeż tal-Qorti dawrithom fuq l-istess Brian Tonna.

