Thursday, November 14, 2024

“Ma jistax jiġi konkluż li kull kelb barra ġo bitħa fis-sajf f’xi ħin qed jiġi maħqur”

Il-Qorti, f’każ fejn il-Pulizija ma pprovatx każ ta’ moħrija

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ninsabu resqin lejn ix-xhur tas-sajf fejn ovvjament it-temperaturi għoljin li jkollna b’mod partikolari fix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awwissu jaffettwaw bil-kbir il-klieb li nrabbu, b’mod partikolari dawk li għal xi ħin tal-ġurnata ikunu f’xi bitħa. Spiss nisimgħu minn attivisti dwar klieb lili jkunu qed jinħaqru għax ikunu qed jitħallew fil-btieħi matul ix-xhur tas-sajf. Biss, f’sentenza li ngħatat mill-Maġistrat Nadine Lia, intqal ċar u tond li “Ma jistax jiġi konkluż li kull kelb barra ġo bitħa fis-sajf f’xi ħin qed jiġi maħqur”.  

F’dan il-każ, il-Pulizija permezz tal-Ispettur Sarah Zerafa kienet akkużat lil Andre Galea li ġiegħel klieb isofru uġigħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn, jew li ħalla l-klieb abbandunati. Kien akkużat ukoll li naqas li jieħu dawk il-passi raġjonevoli f’kull ċirkostanza biex jiżgura li l-ħtiġijiet tal-klieb jintlaħqu. 

Il-każ imur lura għal nhar il-31 ta’ Awwissu tas-sena 2018 meta uffiċjali mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, għamlu spezzjoni fuq il-proprjetà  u sabu li kien hemm diversi ksur ta’ regolamenti fuq iż-żamma tal-annimali u klieb li kienu trattati ħażin u miżmuma f’stat ħażin għad-detriment tagħhom. 

“L-ELEMENT TAL-KRUDELTÀ JOĦROĠ MILL-FATT LI L-KLIEB ĠEW KONFINATI FI SPAZJU LIMITAT FIS-SĦANA T’AWWISSU MINGĦAJR IL-LIBERTÀ LI JFITTXU SPAZJU AKTAR KOMDU”

Dr Luke Vella Verzin

Xehed il-Veterinarju mal-Animal Welfare Directorate, Dr Luke Vella Verzin, u qal li  fil-fehma professjonali tiegħu, iċ-ċirkostanzi kienu tali li kien hemm periklu ta’ dehydration u heat stroke minħabba li fil-bitħa fejn kien hemm il-klieb ikun hemm il-longa tas-sħana għax ma jkunx hemm ventilazzjoni adegwata. Qal li kieku l-klieb ikollhom aċċess għal ġewwa, is-sitwazzjoni tkun ferm differenti. Dr Vella Verzin qal li l-element tal-krudeltà joħroġ mill-fatt li l-klieb ġew konfinati fi spazju limitat fis-sħana t’Awwissu mingħajr il-libertà li jfittxu spazju aktar komdu.

L-uffiċjal Joseph Cassar, Animal Welfare Officer, fix-xhieda tiegħu spjega li fid-29 t’Awwissu 2018 u fil-jiem ta’ qabel kienu daħlu diversi rapporti li f’dar Raħal Ġdid, kien qed ikun hemm irwejjaħ u spurġar ta’ drenaġġ fuq il-bankina peress li kienu qed jinżammu xi klieb ġewwa dan il-fond. Wara li ġie deċiż li ssir spezzjoni, ix-xhud qal li pprova jagħmel kuntatt mas-sid imma dan kien diffiċli u allura ġew avviċinati l-pulizija. Meta nkiseb aċċess, kienet saret spezzjoni konġunta mad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali nhar il-31 t’Awwissu 2018 għall-ħabta tat-08:15 ta’ filgħodu fejn ittieħdu xi ritratti li fihom dehru żewġt iklieb tar-razza pitbull ġo bitħa interna. Qal li kull ma kellhom fejn jistkennu kienet kennel żgħira tal-plastik u dan minkejja x-xemx qawwija tas-sajf. Spjega li dan iġib periklu ta’ dehydration għall-klieb. 

Kien xehed  Alfred Galea, missier Andre Galea u stqarr li hu  jgħix Buġibba u qabel kien jgħix Raħal Ġdid fid-dar fejn saret l-ispezzjoni. Qal li kien joqgħod ma’ partner u kellu żewġt iklieb tar-razza pitbull bħala pets. Skont hu, dawn il-klieb kienu jkunu fil-bitħa iżda kellhom kamra fejn jidħlu u anke kennel li fil-fehma tiegħu hija kbira. Il-bieb tal-kamra kien ikun miftuħ fuq iċ-ċappetti tiegħu. Hu identifika l-bieb tal-kamra fejn kienu jidħlu l-klieb u qal li minkejja li dan kien jidher magħluq, kien sokkjuż u seta’ jiġi mbuttat mill-klieb jekk riedu jidħlu. Spjega ukoll li fil-fehma tiegħu il-kennel hija kbira biżżejjed biex iżżomm liż-żewġt iklieb f’daqqa. 

Hu stqarr li l-klieb pitbull li jidhru huma ta’ ibnu Andre Galea iżda huwa hu li jieħu ħsiebhom fil-prattika. Skont ix-xhud, fil-mument li xehed ma għadx hemm klieb fid-dar inkwistjoni u l-klieb kollha qegħdin ma’ ibnu f’appartament fl-Imsida, li skont l-għarfien tiegħu huwa l-indirizz reġistrat tal-karta tal-identità. In kontro-eżami stqarr li ibnu kien ilu madwar ħames snin joqgħod fl-appartament tal-Imsida imma kien hemm xi drabi meta kien imur joqgħod Raħal Ġdid għal xi ftit jiem  minħabba li ġieli kien ikun down minħabba d-dipressjoni li jbati minnha. 

Intqal li mir-ritratti esebiti jirriżulta li ttieħdu ħames ritratti nhar il-31 ta’ Awwissu 2018 għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu. Dawn ir-ritratti jidhru li huma meħudin mill-għoli u juru ritratti ta’ bitħa miksija bil-madum, mdawwra b’żewġ bibien u żewġt itwieqi, kennel waħda, tlett skutelli ta’ ikel għall-klieb, żewġt iklieb ġewwa l-kennel u wkoll iduru fil-bitħa, żewġ bramel, pala u squeezer, kif ukoll marki kannella fuq il-madum li qed jingħad hu ħmieġ tal-klieb. Ġie esebit ritratti ieħor fuq il-bankina ta’ barra tal-proprjetà li juri skart ġo borża sewda u ħmieġ fuq il-bankina. 

“JEKK IL-KELB QED JGĦIX ĠEWWA U GĦANDU L-BIEB MIFTUĦ U AĊĊESS GĦAL ĠEWWA KIF UKOLL GĦALL-BITĦA, M’HEMMX BŻONN LI TAGĦMILLU GĦATA; PERÒ, JEKK IL-BIEB IKUN MAGĦLUQ GĦANDHOM BŻONN TINDA GĦAX IL-KELB MA JISTAX JIFTAĦ U JIDĦOL ĠEWWA”

L-uffiċjal Joseph Cassar

L-uffiċjal Joseph Cassar ikkonferma li l-bitħa ma kelliex tinda u b’hekk, minkejja li kien hemm kennel għall-klieb din ma kinitx biżżejjed għax kienet iżżomm is-sħana fis-sajf.  Ikkonferma li spezzjoni waħda biss kien għamel u li qatt ma kien aċċeda ġo din il-bitħa u li l-ispezzjoni saret minn fuq bejt ta’ ġar fejn ġew innotati l-klieb ġol-bitħa. Qal li ra l-bibien magħluqin, għalkemm ma setax jgħid jekk kinux imsakkrin u li raw żewġ skutelli għall-klieb li kien fihom l-ilma. Ikkonferma li kemm-il darba l-kelb jgħix ġewwa m’hemmx obbligu legali li bitħa jkollha tinda għall-klieb, iżda li jkun hemm għata għalihom. Qal li meta attendew it-tieni darba sabu l-bieb tal-bitħa miftuħ u ma kienx hemm għata. 

“Jekk qed jgħix ġewwa l-kelb u għandu l-bieb miftuħ u aċċess kemm għal ġewwa u kemm għall-bitħa m’hemmx bżonn li tagħmillu jekk hemm fejn jistkenn, però fil-bieb magħluq għandhom bżonn tinda għax il-kelb ma jistax jiftaħ il-bieb u jidħol ġewwa.”

Il-Qorti qalet li: “Il-ħmieġ li qed jiġi allegat li kien qed jirriżulta fuq il-bankina, il-Qorti tqis li jekk jissusistix reat tat-tifi tal-ħmieġ fuq il-bankina mhux mertu ta’ din il-kawża u lanqas ma hemm akkużi fuq sanita relatati f’dan ir-rigward. Il-fatt li kien hemm dan il-ħmieġ fuq il-bankina ta’ barra ħiereġ mill-katusa li tgħaddi għal ġo bitħa juri li fil-fatt kien qed isir tindif regolari ta’ din il-bitħa”. 

Il-Qorti qalet li issa għar-rigward jekk dak it-tindif u ħmieġ kellux jispiċċa fit-triq huwa mertu ta’ proċeduri separati. Qalet li  mill-provi irriżulta li r-ritratti ittieħdu bejn is-seba’ neqsin kwart u t-tmienja neqsin kwart ta’ filgħodu, u allura ma jistax jingħad li l-klieb kienu barra fl-eqqel tax-xemx u dan iktar u iktar meta t-tabib veterinarju xehed li s-sħana tibda ghal madwar l-għaxra ta’ filgħodu.  Il-Qorti qalet li ma ġiex stabbilit kemm kienu ilhom barra u kemm damu barra u li din kienet issir b’frekwenza. Il-Qorti qalet li “Ma jistax jiġi konkluż li kull kelb barra ġo bitħa fis-sajf f’xi ħin qed jiġi maħqur.” 

Il-Qorti qalet li: “Il-prosekuzzjoni qatt ma stabbiliet kemm kienu qed idumu barra dawn il-klieb fix-xemx. Mill-atti ma tressqux sabiex jixhdu xi nies pajzana jew ġirien sabiex jixhdu dwar dawn il-fatti u li setgħu ikunu l-aħjar xhieda f’każ bħal fatt li kienu jgħixu bieb ma’ bieb. Wisq inqas in-nies li huma propjetarji tal-bejt minn fejn ittieħdu r-ritratti. 

Intqal li “Din il-Qorti għalhekk ġiet miċħuda mill-opportunità li tisma’ xhieda indipendenti li setgħu jagħtu l-verżjoni tagħhom. Ħadd mix-xhieda ma rraporta li l-klieb infushom kienu fi stat ħażin. Minn imkien ma rriżulta li l-klieb kienu morda, jibku, nexfin, mdejjqin, muġugħa jew b’xi mod ieħor imdejqin – hekk kif trid il-liġi. 

Il-Qorti qalet ukoll li mix-xhieda ta’ missier l-imputat tpoġġi fid-dubju jekk l-imputat kienx jirrisjedi f’dan l-indirizz kif ukoll jitpoġġa fid-dubju minn huwa l-persuna li kien qed jieħu ħsieb l-istess klieb. Il-Qorti qalet li waqt li l-klieb kienu ta’ limputat, kien missieru li kien fil-fatt jieħu ħsiebhom ta’ kuljum u dan minħabba l-fatt li l-imputat kien ġieli jbati mid-dipressjoni. Intqal li f’dan il-perjodu ta’ żmien  partikolari kien missieru mas-sieħba tiegħu li kienu qed jgħixu f’dan l-indirizz u mhux l-imputat. Il-prosekuzzjoni ma ressqitx prova li tista’ tmeri dak li xehed missier l-imputat u għalhekk hemm dubju raġjonevoli dwar fejn fil-fatt kien jirrisjedi l-imputat f’dak il-perjodu ta’ żmien. 

Il-Qorti tqis li l-prosekuzzjoni ma ippruvatx il-kaz tagħha sal-grad rikjest mil-liġi u ddikjaat lil Andrea Galea   mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrieh.  

Ekonomija

Sport