“Tlaqt kollox kif faqqa’ l-kunflitt fis-Sudan. Kont tlift lil ommi. Kienet marida u ma stajniex inħallsulha għall-kura. Kelli nabbanduna l-istudji fl-università. Għamilt għal ħafna oħrajn. Ittantajt il-vjaġġ lejn il-Libja. Kont naf li l-Libja hemm ix-xogħol. Il-ħsieb tiegħi ma kienx l-Ewropa. Il-Libja imma qisek qiegħed tgħix f’infern sħiħ. Pagi baxxi ħafna. Tista’ f’temp qasir tispiċċa skjav. Jew tinqatel għal xejn b’xejn. Jew tispiċċa suġġett għal tortura. Jew tisparixxi u ħadd ma jkun jaf bik aktar. Dawn stejjer ta’ immigranti bħalna li nafuhom. L-uniku alternattiva li kien fadalli kien il-vjaġġ bil-baħar lejn l-Ewropa. Ħallast 1,800 Dinar Libjan. Ħaduna f’post imwarrab muntanjuż, ‘lbarra minn Tripli. Ngħid 20 kilometru jew ftit aktar bogħod minn Tripli. Konna ngħixu ġo kamp. Domna aktar minn xahar. Ittorturawna. Sawtuna. Umiljawna. Ikel ftit li xejn. Ftit għaġin. Kienu jtuna ilma bil-melħ. Mheddin bl-armi ppuntati lejna. Kien hemm xi nisa magħna. Kuljum dawn kienu jittieħdu lejn postijiet oħra u jerġgħu iġibuhom”.
Dan jirrakkontah ma’ dan is-sit Zaid (isem mibdul biex nipproteġu l-identità tiegħu), persuna li ttanta jagħmel il-vjaġġ lejn l-Ewropa imma fallielu minħabba li d-dgħajsa li kien fuqha ġiet interċettata f’nofs ta’ baħar.
Tlaqt bħal eluf oħra minn nofsinhar tas-Sudan
Jgħid li “tlaqt bħal eluf oħra mis-Sudan meta kien għaddej il-kunflitt. L-ewwel post li wasalna fih fil-libia kien El Kufra. Ta’ kuljum kienu jaslu immigranti mis-Sudan. Minn hemm tiddeċiedi fejn trid tmur, f’liema belt se tmur. Il-parti l-kbira jibqgħu telgħin san-naħa ta’ fuq. “Meta kont għadni s-Sudan, ippruvajt ngħin kemm nista’ lil ommi. Kienet marida sew. Ma kellniex mezzi biex intuha l-kura li kellha bżonn. Spiċċat mietet. Abbandunajt l-istudji fl-Università. Ħuti l-oħra kienu fi ġlieda kontinwa bħali biex ngħixu għax flus ma kellniex.”
“Faqqa’ l-kunflitt. Bdejt nara n-nies jaħarbu. Smajt l-istejjer tagħhom li kiene qegħdin jittantaw futur aħjar fil-Libja. Iddeċidejt li nsegwi. Għamilt dan il-pass għax ma kellix għażla oħra. Ridt ngħin lil familti. Ivvjaġġajt lejn il-Libja. Fil-vjaġġ lejn il-Libja il-vann li konna fih waqaf. Qalulna nistennew sakemm jiġborna ħaddieħor. Kien żmien ta’ qtigħ il-qalb. L-ilma spiċċa. Spiċċajt xrobt l-awrina biex intawwal iż-żmien u forsi jilħqu jiġu jiġbruna kif fil-fatt ġara”.
Jgħid li “r-realtà li sibt kienet dik li xogħol hawn imma l-pagi huma baxxi. Ħdimt fil-kostruzzjoni, xogħol iebes ħafna. Li jinkwetani hi l-kwistjoni tas-sigurtà. M’hawnx sigurtà. Tista’ tkun qiegħed barra fit-triq u tispiċċa maħtuf. Tispiċċa fid-detenzjoni jew skjav. X’jiġri minnek imbagħad ikun f’idejn il-milizzji. Tipprova ma toħroġx f’ċertu ħinijiet imma mhux dejjem hu possibbli. Naf ħafna stejler ta’ persuni bħali li spiċċaw ħażin. Oħrajn f’daqqa waħda ħadd ma sema bihom aktar. Iddeċidejt li nagħmel pass ieħor. Dan kien il-vjaġġ bil-baħar.
“Ħallast 1,800 Dinar Libjan għal vjaġġ bil-baħar“
Zaid jgħidilna li “għal vjaġġ bil-baħar ħallast 1,800 Dinar Libjan. Ġbarthom fuq ammonit ta’ żmien. Minn Tripli fejn konna ngħixu kienu ħaduna għal żona oħra l-barra. Kienet xi għoxrin kilometru bogħod. Spiċċajna ngħixu ġo kamp. Il-ħajja hemm ma kinitx faċli. Iebsa ħafna. Konna nkunu ttorturati. Imsawwtin. L-ikel li kienu jtuna kien ftit wisq. Konna ningħataw għaġin, li kien ikun mgħolli f’ilma bil-melħ. Dejjem mheddin bl-azzarini ippuntati lejna. L-ilma li konna ningħataw ma kienx tajjeb. Kien hemm xi nisa magħna u dawn matul il-ġurnata kienu jittieħdu f’post ieħor u jerġgħu jinġabu tard filgħaxija”.
“Xi wħud milli kien hemm kienu jittieħdu għall-vjaġġ….kien hemm diversi li rritornaw u rrakkontaw stejjer ta’ għarqiet”
Jgħidilna li “kultant żmien kienu jiġu u jieħu grupp ta’ immigranti. Ħafna drabi jkunu qrib 30 jew ftit aktar. Konna nkunu natu li ttieħdu għal vjaġġ bil-baħar. Jien dejjem nittama li jasal il-vjaġġ tiegħi. Xi wħud minn dawn kienu jinġabu lura wara ftit jiem, fi stat xejn tajjeb. Il-vjaġġ ikun spiċċa ħażin fejn xi wħud minn sħabhom kienu spiċċaw għerqu.”
Għad-domanda jekk meta kien jisma b’dawn l-istejjer u kien jara lil dawn sħabu fi stat ta’ xokk għal dak li għaddew minnu, għaliex baqa’ bl-istess ħsieb li jagħmel il-vjaġġ, hu qalilna li “għażla ma kienx hemm. It-tama tiegħi dejjem kienet f’dik id-dgħajsa. Dik id-dgħajsa kont naraha sigur aktar mill-art fil-Libja. Ma kienx hemm għażla”.
“Fuq ix-xatt qabel irkibna id-dgħajsa qalulna
inneħħu l-oġġetti kollha tal-metall inkluż żraben u ċintorini”
Jirrakkonta li “meta kien imissna aħna, ħaduna lejn ix-xatt fid-dlam. Qalulna biex inneħħu kull oġġett tal-metall li kellna. Neħħna iż-żraben u anke iċ-ċintorini. Il-persuni li ħaduna għenuna biex id-dgħajsa titniżżel fil-baħar għax kienet fuq ix-xatt. Id-dgħajsa kienet tal-metall. Konna nafu b’każi ta’ dgħajjes li għerqu. Spezzjonajna id-dgħajsa imma deher li kollox kien sew. Wara xi għaxar jew ħdax-il siegħa fuq il-baħar, rajna bastiment kbir. Xi wħud ħasbuh li hi dgħajsa tas-salvataġġ. Kien hemm oħrajn li ma ridux li nersqu lejl. Ma qbilniex imma finalment iddeċidejna li nersqu lejh. Meta wasalna qribu siana li dań kien bastiment tal-gwardji tal-kosta Torok. Arrestawna u bagħtuna lura lejn il-Libja. Spiċċajna detenuti u torturati.”
“Ippruvajt naħrab…..spiċċajt ksirt sieqi…. għenuni xi nies u għamilt żmien l-isptar”
Zaid jgħidilna li “zien flimkien ma’ ieħor iddeċidejna li naħarbu. Sieħbi spiċċa ferut. Jien spiċċajt ksirt sieqi. Għenuna xi nies u għamilt żmien twil l-isptar. Il-ħsieb tiegħi jibqa’ li ma’ l-ewwel opportunità li tiġini u hekk kif ikolli l-flus nerġa’ nittanta il-vjaġġ lejn l-Ewropa.”