Friday, August 22, 2025

‘Ma’ Kerċem Ajax FC, sibt ambjent sabiħ ħafna … nemmen li ftit klabbs f’Malta għandhom bħalu’ – Melania Bajada

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-futbol fil-familja tagħna diffiċli ma tkunx tħobbu. Kemm missieri kif ukoll ħija kienu jilagħbu l-futbol. Dan filwaqt li n-nannu u z-ziju kienu parti mill-kumitat ta’ Sannat Lions fejn fi tfuliti ma tantx kont infalli logħba minn tagħhom. 

Nara lil ħija jaqsam lejn Malta ta’ kuljum dak iż-żmien kienet xi ħaġa li kont nammira li jien ma kellix il-possibiltá li nilgħab għax Għawdex ma kienx hawn tim tat-tfajliet u għadu sal-lum il-ġurnata bla tim, li naħseb hu żvantaġġ għal dawk li jħobbu l-futbol bħali. 

Meta kont żgħira kont nilgħab ma’ ħija kif ukoll mat-tfal tat-triq tiegħi. Imbagħad ta’ 12-il sena bdejt nilgħab mas-subien iżda kulma għamilt sentejn imbagħad erġajt bdejt meta kelli 18-il sena meta kienu għamlu kampjonat Għawdex 7-a-side. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Head Coach ta’ Kerċem Ajax Nursery.

L-esperjenza ma’ Kercem Ajax bdiet sentejn ilu wara li kelli l-ewwel wild tiegħi, għax kienet diffiċli li nibqa’ nikkommetti ruħi fil-futbol f’Malta, iżda nista’ ngħid li sibt ambjent sabiħ ħafna … nemmen li ftit klabbs f’Malta għandhom bħalu.  Li taħdem ġo nursery bħala head coach naħseb hi xi ħaġa ta’ sfida għax kuljum se taffaċċja episodji diffiċli għall-fatt li int trid tipprova tagħmel l-aħjar għall-iżvilupp tat-tfal iżda min-naħa l-oħra ma tistax tolqot lil kulħadd bl-istess mod. U hija xi ħaġa ta’ sodisfazzjon immens meta tara tfal jikbru u jiżviluppaw quddiemek.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala kowċ tat-tim tan-nIsa ta’ Birkirkara FC fejn irbaħtu kull unur li għandu x’joffri l-futbol Malti.

L-esperjenza tiegħi ma’ Birkirkara FC kienet sabiħa ħafna. Kienu ħames snin pożittivi ħafna fil-karriera tiegħi u naħseb li hemm iffurmajt u kbirt fil-kowċ li jien illum.

Kemm hu differenti l-fatt li tkun kowċ ta’ tim tal-kbar għal dak li tkun kowċ ta’ nursery?

Li tikkowcja tim taż-żgħar u tim tal-kbar hija xi ħaġa totalment differenti. Fil-bidu nammetti li kienet diffiċli għalija għax l-adrenalina ta’ logħba kompetittiva bdejt nimmissjaha. F’tim tal-kbar dejjem minn ġimgħa għall-oħra tibda tippjana għal-logħba li jmiss waqt li meta tkun qed tikkowċja tim taż-żgħar l-ewwel ħaġa li trid titfa’ quddiem għajnejk hu l-iżvilupp tat-tfal li nemmen li jagħtik sodisfazzjon ieħor. 

Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?

Issa li ilni sentejn naħdem fil-qasam tal-grassroots u fil-futbol tas-subien, nemmen li għalkemm tjiebna ħafna, għadna lura ħafna.  Nemmen li nieħdu l-ħaġa ‘forgranted’ u l-aħjar kowċis nitfawhom mal-kbar iżda t-tfal irridu ngħallmuhom b’ħiliet tajbin minn etá żgħira ħalli meta jikbru tkun aktar naturali għalihom. It-tfal għandhom ħafna aktar opportunitajiet u din hi xi ħaġa li ‘l quddiem tista’ twassalna biex il-livell tal-futbal Malta jitjieb.

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Naħseb li bħalissa mhux għaddej mill-aħjar żmien il-futbol Malti. Qed nara numru ta’ żgħażagħ jieqqu mill-futbol, u l-livell naqas ukoll. Huma azzjonijiet li rridu nieħdu issa fil-grassroots tagħna biex ikollna riżultati pożittivi ‘l quddiem. Iżda nemmen li numru ta’ nurseries kemm Malta kif ukoll Għawdex qed jitjiebu.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l- logħob kompetittiv tagħhom?

Naħseb li dan hu suġġett delikat għall-futbol Malti għall-fatt li ftit klabbs għandhom riżorsi tajbin. Nemmen li din il-ħaġa għandna naħdmu aktar biex intejbuha.

Kif qed thares lejn il-futur tieghek fil-futbol?

Il-kowċing hu xi ħaġa li rrid nibqa’ nagħmel fil-futur … jekk hux fil-kbar jew fiż-żgħar ma nafx għax it-tnejn jogħġbuni bil-mod tagħhom. Għalissa żgur li se nagħmel aktar żmien fiż-żgħar.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Illum il-ġurnata hawn ħafna aktar opportunitajiet fil-futbol. Jien ngħidilhom biex ma jaqtgħux qalbhom, ikunu ‘committed’ għal dak li jagħmlu, u jaħdmu ‘extra’ għax huwa dak li jagħmlek aħjar. Żgur li se jgħaddu minn mumenti diffiċli fil-karriera tagħhom, iżda għandhom jibqgħu jaħdmu u jemmnu fihom infushom!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport