Friday, November 15, 2024

Ma kienx hemm qbil għal programm mużikali konġunt

Il-kwistjoni bejn iż-żewġ baned fl-425 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Imqabba

Aqra wkoll

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-425 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Imqabba ddedikata lil Santa Marija, liema anniversarju ħoloq kontroversja sħiħa fl-istess raħal bejn il-partit tal-festa tal-Madonna tal-Ġilju – il-festa secondaria u dak tal-festa ta’ Santa Marija li hi l-festa tal-parroċċa tal-Imqabba.

Wara li kienet tkellmet is-Soċjetà Madonna tal-Ġilju u qalet li b’dispjaċir innotat li tħallew barra miċ-ċelebrazzjoni, proprju fl-aħħar sigħat is-Soċjetà Santa Marija Banda Re Ġorġ V infurmat li fit-22 ta’ Novembru kienet ressqet it-talbiet tagħha għall-kunsiderazzjoni tal-Parroċċa u l-Kurja Arċiveskovili. Il-Kurja tal-Arċisqof kienet ippreżentat digriet li fiħ elenkat il-programm ta’ attvitajiet għal dan l-anniversarju, fosthom li ż-żewġ baned itellgħu programm mużikali konġunt fil-knisja parrokjali, jew programm mużikali separat fi ġranet differenti miż-żewġ baned rispettivi.

Is-Soċjetà Santa Marija Banda Re Ġorġ V spjegat li għalkemm hija ddispjaċuta li ħafna mit-talbiet tagħha ma ġewx aċċettati, xorta waħda aċċettat id-digriet tal-Kurja, b’sens ta’ għaqda bejn is-Soċjetajiet Mużikali u nfurmat li kienet qiegħda taċċetta li ż-żewġ baned itellgħu programm mużikali magħqudin f’banda waħda ġewwa l-Knisja.

Ingħad li, “is-Soċjetà Mużikali Madonna Tal-Ġilju infurmatna li mhux se tkun parteċipi f’serata mużiko-letterarja konġunta bejn iż-żewġ baned fil-Knisja, 13-il ġurnata qabel l-avveniment. Is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju għażlet ukoll li tirrifjuta l-opportunità li l-banda fi ħdanha tesegwixxi programm mużikali fil-Knisja esklussivament għaliha f’data separata”.

“Xempju ta’ għaqda, ubidjenza u kollaborazzjoni”

Sadanittant, żiedet is-Soċjetà Santa Marija Banda Re Ġorġ V, il-Fratellanza tas-Santissmu Sagrament fetħet sejħa għall-Imqabbin kollha li kienu interessati jipparteċipaw fil-pellegrinaġġ devot bil-vara artistika u devota ta’ Santa Marija, Patruna tal-Parroċċa.

Din is-Soċjetà saħqet li, “dan kollu juri biċ-ċar kif is-Soċjetà Santa Marija,Banda Re Ġorġ V, għal darb’oħra kienet xempju ta’ għaqda, ubidjenza u kollaborazzjoni kemm f’raħalna, kif ukoll mal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi, fejn minnflok sabbtet saqajha, għarfet id-doveri taghħa u pparteċipat kif kien mitlub mill-Kurja tal-Arċisqof f’dan l-anniversarju importanti. Altru minn li ħatfet dan l-anniversarju taħt idejha hekk kif ġie allegat fl-istqarrija li s-Soċjeta Mużikali Madonna tal-Ġilju ċċirkolat fost il-membri fi ħdanha”.

Ekonomija

Sport