Monday, December 23, 2024

“Ma kinitx tagħmel sens li tissellef biex tibda tibni familja”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Omm tewmin bl-IVF tirrikonoxxi l-avvanzi fir-rata ta’ suċċess tal-IVF

“Jien u t-tfal mal-aħbar li l-gvern se jkun qiegħed iżid il-mediċini fil-formularju tiegħu u aktar koppji se jkunu megħjuna konna verament kuntenti. Huma konxji dwar is-sitwazzjoni u jien minn dejjem kont ċara magħhom dwar il-proċess tat-tnissil tagħhom”. Hekk bdiet biex tgħid f’intervista ma’ Talk.mt Charlotte Falzon b’rabta mad-dettalji dwar ir-rifużjoni għall-mediċina tal-IVF mħabbra aktar kmieni din il-ġimgħa mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

“Kont l-unika waħda li rnexxieli”

Hija tkellmet b’mod pożittiv dwar l-IVF u qalet li dan it-trattament seta’ jagħmilielha possibbli biex taqta’ xewqitha li ssir omm wara kumplikazzjoni f’operazzjoni li kienet saritilha meta kellha biss 18-il sena.

Charlotte llum hija omm ta’ tewmin ta’ 21 sena u skontha din il-ħaġa tgħinha tifhem aħjar il-vantaġġi ta’ din l-għajnuna li kompliet tiżdied min-naħa tal-gvern mill-2014 lil hawn. Charlotte bdiet il-proċess fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu tas-sena 2000 u fl-aħħar jiem ta’ Diċembru kellha f’idejha lil uliedha Mariah u Francesco. Tgħidilna li dak iż-żmien il-proċess kien differenti mil-lum anke minħabba l-ammont ta’ embrijuni li jitpoġġew fl-utru li llum skont il-liġi jitpoġġew sa massimu ta’ tliet embrijuni. Fil-każ ta’ Charlotte, il-ġisem tagħha aċċetta tnejn minnhom u rriġetta l-bqija. Hija tħossha verament fortunata li minkejja ċertu sfidi, fejn il-proċess kien verament diffiċli, minn grupp ta’ madwar 15-il mara, kienet hi biss li rnexxielha tinqabad tqila u twassal sat-twelid.

“Dak iż-żmien il-proċess kien jiswik mas-LM 6,000”

L-omm tat-tewmin tkompli dwar l-isfida tal-ispejjeż relatati u li dak iż-żmien, filwaqt li r-rata ta’ suċċess tat-trattament kienet ferm iżjed baxxa, l-ispejjeż kienu jinħarġu kollha mill-koppja. Dak iż-żmien l-operazzjonijiet u t-trattamenti kollha relatati kienu jmissu s-LM 6,000. Hija nnotat li ħafna koppji lura fis-snin kienu jonfqu dawn il-flus kollha, imorru d-dar u ftit jiem wara jispiċċaw delużi li mit-test tad-demm jirriżulta li l-mara ma tkunx inqabdet tqila. 

“Qabel l-2014, l-operazzjonijiet kienu jsiru kollha fi sptar privat għax fl-isptar tal-gvern ma kienx jeżisti. Minkejja dan ma nistax ma nfakkarx li jiena meta kelli bżonn l-osservazzjoni minħabba kumplikazzjonijiet waqt it-tqala, l-isptar tal-gvern ma ħallinix waħdi u sibt l-għajnuna”, żiedet Charlotte.

“Min ikun jixtieq it-tfal ma jibqax jara ħlief li jirnexxielu jinqabad”

Charlotte spjegatilna dwar l-importanza li l-koppji li jidħlu għal dan il-proċess ikunu preparati għax din mhijiex xi ħaġa faċli fiżikament għall-mara u psikoloġikament għat-tnejn li huma. L-omm qalitilna li ma kienx xi proċess faċli anke minħabba trattamenti kontinwi u l-biża’ li l-ġisem jirriġetta l-proċess u l-ħolma li tkun qiegħda tidher li se tkun realizzata, tisfaxxa fix-xejn ngħidu aħna f’korriment.

Kompliet biex tqabbel dak iż-żmien mad-dettalji li tħabbru aktar kmieni din il-ġimgħa u qalet li kienet tħossha ddispjaċuta li tisma’ persuni li jgħidu li stajt tissellef jekk verament xtaqt. “Le ma tagħmilx sens li tissellef anke minħabba li meta tkun fiha tista’ tifhem aħjar li hemm riskju akbar li jkollok aktar minn tarbija waħda u b’hekk hemm sfidi finanzjarji akbar fit-trobbija”, spjegat tgħid Charlotte mill-esperjenza tagħha. Apparti minn hekk tappella lil dawk li qegħdin jaħsbuha biex jidħlu għal dan il-proċess biex jibqgħu jippruvaw sa ċertu età u tissuġġerixxi proprju li l-mara jkollha aktar minn 27 sena minħabba li trid tiżviluppa ċertu saħħa.

24 mara qed jistennew 27 tarbija 

Mill-2014, kemm ilu jiġi offrut is-servizz tal-IVF ġewwa Mater Dei, kien hemm 252 tarbija li twieldet grazzi għall-IVF. Dan fl-isfond tal-fatt li bħalissa hemm 24 mara li qed tistenna tarbija grazzi għall-proċess tal-IVF li sar f’dawn l-aħħar xhur u qed jistennew li b’kollox minn dawn jitwieldu 27 tarbija ġdida, peress li hemm minnhom tewmin. Qal ukoll li matul is-sena li għaddiet ir-rata ta’ suċċess tal-IVF ġewwa pajjiżna kienet tajba ħafna – dik ta’ 21.5%.

Il-Gvern ilu mill-2014 joffri dan is-servizz u l-maġġoranza tal-proċeduri li jagħmlu flimkien l-IVF, il-Gvern diġà jkomprihom mingħajr ħlas.

Din il-ġimgħa tħabbar li issa, anke l-mediċini li mhumiex koperti f’din il-lista, il-Gvern se jkun qed iħallas għalihom ukoll biex aktar koppji jkunu qegħdin isibu s-sostenn li hemmm bżonn.

Ekonomija

Sport