Wara li nhar it-Tnejn f’Nyon, l-Isvizzera, ġew imtellgħin il-poloz tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tat-tliet kompetizzjonijiet Ewropew 2022-23, ilbieraħ sar it-tlugħ tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni, li fihom jista’ jkun hemm Hibernians, Floriana, Gzira United u Hamrun Spartans.
Hibernians, li se jieħdu sehem fil- UEFA Champions League, se jiltaqgħu kontra Ludogorets tal-Bulgarija jew Satjeska tal-Maċedonja, bl-ewwel leg tintlagħab f’Malta.
Iżda jekk jitilfu kontra Shamrock Rovers tal-Irlanda huma jidħlu fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa League fejn ikunu home kontra t-telliefa tas-semi-finali tar-round preliminari bejn Levadia Tallinn tal-Estonja u Vikingur Reykjavik tal-Islanda.
It-tliet timijiet l-oħra, Floriana, Gzira United u Hamrun Spartans jidħlu fil-Main Path tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League jekk jeliminaw lil FC Petrocub-Hincesti, Atletic Club D’Escaldes u Alashkert FC rispettivament.
Jekk Gzira United jeliminaw lil Athletic Club d’Escaldes, huma jiltaqgħu għat-tieni darba kontra FK Radnicki Nis tas-Serbja bl-ewwel okkażjoni kienet fl-2018, fejn wara li tilfu 1-0 fis-Centenary Stadium, fit-tieni leg sofrew telfa ta’ 4-0 u b’hekk ġew eliminati bl-aggregate ta’ 5-0.
Atletic Club se jkunu t-tieni team li l-Maroons ikunu ltaqgħu kontrih minn Andorra meta f’dawn l-aħħar snin lagħbu kontra Sant Julia darbtejn u għaddew għat-tieni round fiż-żewġ okkażjonijiet.
Huma anke ssuperaw l-ewwel round darb’oħra meta għelbu lil Hajduk Split tas-Serbja bil-goals away jgħoddu doppju wara draw 3-3.
Floriana se jibdew kontra Petrocub- Hincesti, u jekk jirbħu jiltaqgħu ma’ min jirbaħ bejn KF Laci tal-Albanija u FK Iskra Danilovgrad tal-Montenegro. L-ewwel leg tintlagħab fis-Centenary Stadium.
Jekk it-team l-ieħor Malti, Hamrun Spartans, jelimina lil Alashkert tal-Armenja, huma jiffaċċjaw lil FK Velez tal-Bosnja/Herzegovina, bl-ewwel leg tintlagħab għand dawn tal-aħħar.
Il-logħob jintlagħab fil-21 u fit-28 ta’ Lulju.