Tuesday, April 15, 2025

Ma’ Mqabba FC sibt familja, li difficli biex tispjegaha jekk ma tesperjenzahiex – Louis Agius

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba lejn il-logħba tal-futbol naħseb twiliedt biha. Missieri minn ċkuniti kien jeħodni miegħu l-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali biex insegwu l-logħob. Dak kien żmien, meta l-attendenzi kienu jkunu ferm akbar minn tal-lum. Niftakar li ħafna minn nies, speċjalment il-Ħadd wara nofsinhar kienu jmorru il-grawnd u jieħdu wkoll magħhom radju żgħir biex jisimgħu l-logħob dirett tal-futbol Taljan. Li tmur il-grawnd kienet ikkunsidrata l-ħarġa ta’ wara nofsinhar. Bdejt nilgħab il-futbol ma’ Sliema U12 fl- ewwel sena li n-nursery ta’ Sliema ġiet iffurmata. Wara ngħaqadt ma’ San Ġwann ukoll fl-ewwel snin ta’ din in-nursery. Wara San Ġwann kont mort mal-Melita, fejn wara kienu ġew l-Imqabba fejn ingħaqadt magħhom fl-Ewwel Diviżjoni u konna tlajna Premier. Iżda sfortunatament kont weġġajt  spalti u kelli nieqaf mill-futbol ta’ etá żgħira. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem bqajt insegwi l-futbol Malti u speċjalment in- Nazzjonal, fejn ironikament l-aħħar loghba li li lgħabna ġewwa darna kontra l- Finlandja, kienet l-ewwel logħba li fallejt li nattendi f’40 sena.

Iddeskrivi l esperjenza prezenti tieghek bhala Team manager ta Mqabba FC.

Kif għidtlek qabel, kont għamilt staġun nifforma parti mit-tim tal-Mqabba fl-istaġun 1992/93, u żgur qatt ma għaddilei mill-iċken kurutur ta’ moħħi li xi darba kont ħa nkun team manager ta’ dan il-klabb. Bħala tim ta’ Mqabba konna ġejjin minn żewġ relegazzjonijiet wara xulxin, u mhux faċli ssib il-forza u l-mezzi biex terġa’ tibni kollox  mill-ġdid. Kien sajf impenjattiv ħafna, iżda l-klabb dejjem sab nies, il-maġġoranza tagħhom Mqabbin li għandhom għal qalbhom ir-raħal, u kienu determinati li jqajmu l- klabb fuq saqajh. Il-president Terrance Briffa kompla jibni fuq ix-xogħol siewi li għamel il-president ta’ qablu is-Sur Carmelo Ellul, iżda peressli għadu żgħir, ġab entużjażmu u rieda qawwija biex nirritornaw malajr kemm jista’ jkun fejn jistħoqqlu dan il-klabb . Kienet sena ta’ ħidma u xogħol iżda sodisfatt ħafna u kuntent li dawk is- sigħat twal sarrfu fi promozzjoni li naħseb kienet mistħoqqa. Ma’ Mqabba FC sibt familja, li diffiċli biex tispjegaha jekk ma tesperjenzagħhiex. Kulħadd ħadem bla tfixkil biex nilħqu t-tragward. Jien minn qalbi nirringrazzjahom talli laqagħuni, irrispettawni, u malajr sirt parti minn din il-familja.

Kemm tahdem spalla ma’ spalla mal-president ta’ Mqabba FC, Terrance Briffa?

Il-president Terrance Briffa kien katalista importanti biex it-tim ta’ Mqabba FC jerġa’ jsib il-forza, u l-entżzjażmu meħtieġa għal dan l-istaġun. L-ewwel darba li ltqajt miegħu kien għamilieli ċara li t-tragward tal-klabb kien wieħed biss – il-promozzjoni! Niftakar l-ewwel kliem li qalli kienu: “Ara x’għandna bżonn u x’irid jsir biex nitilgħu ghax dan ir-raħal jistħoqqlu aħjar.” Kien hemm li bdiet il-ħidma u kull ma tlabtu, il- president għamel minn kollox biex jakkomodana. Konna nitkellmu aktar minn darba kuljum, u anke hu kien ikun preżenti b’mod regolari fit-taħriġ u jsegwi mill-qrib dak kollu li jkun għaddej. Terrance huwa bniedem umli ħafna, fejn dejjem ta widen għall- pariri qabel ma jieħu deċiżjoni u anke hu saħansitra fejn isib diffikultá kien jikkonsulta ħafna specjalment mal-kumitat u l-istaff tekniku.

X’tahseb li kien is-sigriet wara l-ksib tal-promozzjoni ghan-National Amateur League 1 min-National Amateur League 2 minn Mqabba FC?

L-entużjażmu taż-żgħażagħ, flimkien mal-esperjenza ta’ ċerti plejers, l-għaqda kbira li kien hemm fid-dressing room wasslu biex dan kollu seta’ jseħħ. Il-plajers li ngħaqdu magħna f’Jannar ukoll integraw mat-tim mill-ewwel. Il-kowċ Claudio Calleja kien jixpruna lit-tim f’kull sessjon i ta’ taħriġ u l-assistant coch Ryan Newell kien jgħin ħafna tattikament. Kien hemm għaqda sħiħa, kumitat u president ħabrieki, għamlu dak kollu li setgħu biex żammew lil kulħadd kuntent. Dan kien is-sigriet magħruf li wassal lil Mqabba FC għall-promozzjoni mistħoqqa.

Kif tqis il livell tal futbol Malti fil preżent u kif rajtu jinbidel tul is snin?

Din hi domanda daqsxejn diffiċli. Għalkemm forsi l-organizzazzjoni tal-logħba nnifisha u l-faċilitajiet tjiebu matul is-snin, jien naħseb li l-livell tal-individwu naqas ħafna. Dan jista’ jkun ukoll għax il-logħba tal-ballun qed tinbidel. Qabel kien hawn ħafna aktar ‘ïsmijiet’ u kull tim, speċjalment fl-ogħla diviżjoni, kellu nukleu ta’ plejers importanti speċjalment fuq livell individwali. Il-plejers Maltin kienu jħallu impatt konsiderevoli, u ma tixbax issemmi ismijiet li ħallew impressjoni fil-futbol Malti. Id-domanda tiegħi hi, kemm-il isem se nibqgħu niftakru u nitkellmu dwarhom għaxar snin oħra, minn dawk li qed jilagħbu llum fl-ogħla diviżjoni? Ir-risposta nkunu nafuha ħafna aktar ‘il quddiem!

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Rigward it-tim tal-Mqabba FC, nista’ ngħidlek li sentejn ilu żanżanna wiċċ tal-pitch ġdid fejn titħarreġ in-nursery u anke l-iskwadra tal-kbar, u proprju ftit tax-xhur ilu, inbidlet anke l-art tal-5-a-side, b’dawl ġdid ukoll tal-LED. Il-club house’, din is-sena ukoll sarlu ‘refurbishment’ totali u għalhekk bħala ‘premises’, żgur li ma nistgħux ingergru. Bħala grawnds għal-logħob kompetittiv, ovvjament dejjem jistgħu jkunu aħjar, peró, wieħed ukoll jrid jifhem l-ispiża kemm tal-grawnd u wisq aktar tal- manuntenzjoni li jirrikjedu dawn il-pitches. Il-problema hi li f’pajjiżna hawn nuqqas ta’ grawnds, u għalhekk dawn il-pitches qed jintużaw tista’ tgħid, minn filgħodu sa filgħaxjia bil-konsegwenza li l-‘wear and tear’ tagħhom ikun elevat. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Sakemm qed nieħu pjaċir, u sakemm tagħtini s-saħħa, nixtieq nibqa’ involut fil- logħba tal-ballun … kif wiehed minn dawk l-elementi jibda jbatti, allura jkun wasal iż- żmien li nieqaf. Nispera iżda li dak iż-żmien baqagħlu ħafna biex jasal! Bħalissa għaddej b’ħidma kontinwa mal-president u l-kumitat biex nippreparaw għall-istagun li ġej, li nisperaw ukoll ikun wieħed sodisfaċenti. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Jekk tassew għandek il-ħolma li tagħmel karriera fil-futbol, ftakar f’ħaġa waħda: kollox jibda bik. Mhux dejjem se tkun faċli – ikun hemm ġranet fejn tħossok li trid iċċedi, ġranet fejn ma tkunx fil-forma, u oħrajn fejn tħoss li ħadd ma jemmen fik. Imma jekk inti temmen fik innifsek, tħaddan il-passjoni tiegħek u tagħti l-100% tiegħek f’kull opportunità li tiġi għandek, inti tista’ tasal.

Il-futbol jitlob ħidma bla waqfien, kuraġġ, u umiltà. Ħares ’il quddiem, aħdem fis-skiet, u ħalli r-riżultati jitkellmu għalik. L-ebda ħolma mhi wisq kbira għal min lest jagħmel sagrifiċċji kbar. Int għandek dak li hemm bżonn – emmen, aħdem, u ibqa’ insisti … il-futur tiegħek jibda llum!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport