Wednesday, May 28, 2025

“Ma naħsibx li għandkom għalfejn tgħiduli li jien estremist u bla qalb, għax qed inwassal il-kelma ċara ta’ Ġesù”

Aqra wkoll

“Ma naħsibx li għandkom għalfejn tgħiduli li jien estremist u bla qalb, għax qed inwassal il-kelma ċara ta’ Ġesù. Intom tifhmu li dan il-kliem, mhux se jagħlaqli ħalqi; imma jweġġagħni iva”. Dan iddikjarah Mons Arċisqof Charles J. Scicluna waqt li jiċċelebra l-Quddiesa tas-Sitt Ħadd tal-Għid mill-Knisja tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù f’Santa Venera, li tinsab fil-binja ta’ St Michael Hospice, li hu mmexxi minn Hospice Malta. Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof għamel sejħa qawwija favur il-kompassjoni, id-dinjità u l-għajnuna lil dawk il-persuni li qed jiffaċċjaw mard terminali, filwaqt li esprima l-pożizzjoni ċara tiegħu dwar l-introduzzjoni tal-ewtanasja volontarja assistita. 

Beda l-omelija tiegħu billi qal li “hi kelma ta’ faraġ, dik li jgħidilna Ġesù llum: “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’” (Ġw 14:27). Donnu jafna tajjeb ħafna l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, jaf li ċerti ċirkustanzi diffiċli tal-ħajja, nitħawdu u nibżgħu fihom. Illum waqt li nsellem lill-Hospice, nixtieq insellem lil kull min, għax għandu dijanjosi ta’ marda terminali, iħossu mħawwad u mbeżża’. Dan hu territorju qaddis li jeħtieġ minna mogħdrija, kompassjoni u wens; l-għerf ta’ min jaf jiskot quddiem il-misteru tal-proċess tal-mewt, għax il-mewt hi proċess.”

Kompla jgħid li “u l-Kelma ta’ Ġesù, li toffri paċi u serħan il-moħħ, hi importanti: “nagħtikom l-paċi tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27); li forsi twiegħdek soluzzjoni ta’ malajr. Il-paċi li jagħti Ġesù għandu wkoll prezz; il-prezz ta’ min ma jaħrabx mill-mewt, imma jħaddanha. “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27). Ġesù jaf li d-dinja toffrilna soluzzjonijiet li jidhru faċli, li jidhru raġonevoli, li jiġu ppreżentati lilna anke taħt il-libsa u l-mera tal-kompassjoni. Imma jgħidilna: is-sliem li se nagħtikom mhuwiex bħal dak li tagħtikom id-dinja. U jinsisti magħna: “tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’” (Ġw 14:27).”

Saħaq li “u jitkellem fuq it-tluq tiegħu, li għalih kif nafu kien tluq ikkumplikat, ta’ tbatija kbira, li beżżgħu. Għaliex hu l-istess Ġesù, li fl-Ort tal-Ġetsemani, lill-Missier jgħidlu: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi!” (Lq 22:42). Imma Hu u jgħid hekk, jammetti l-biża’ u l-konfużjoni li kien hemm fih, jintelaq f’idejn il-Missier: “Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” (Lq 22:42). Mhux se nagħmel dak li rrid nagħmel jien b’idejja, imma kif trid inti. U l-kelma għażiża tiegħu, li niftakru minn fuq is-salib hi: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46).”

Iddikjara li “meta aħna u nikkunsidraw il-proposta li għandna quddiemna għal ħutna, li jasal l-mument tagħna wkoll, li huma ffaċċjati mill-prospett tal-mewt, l-għażla bejn li toqtol lilek innifsek; insejħulha xi nsejħulha, dik hi! Qed insejħulha ewtanasja volontarja assistita; imma hi li toqtol lilek innifsek, u ngħinuk biex tagħmel dan. Issa jekk hux b’sustanza tossika, b’xi ħaġa trid toqtlok. Mhux qed ngħid, tagħtik xi ftit fruit juice jien, imma xi ħaġa li toqtlok. Hi x’inhi, sejħilha li trid, se tkun xi ħaġa li toqtlok; u li teħodha inti għax trid, u ngħinuk biex tagħmel hekk.”

Żied jgħid li “insejħulha x’insejħulha, dik hi! Qed insejħulha ewtanasja volontarja assistita; imma hi li toqtol lilek innifsek, u ngħinuk biex tagħmel dan. Issa jekk hux b’sustanza tossika, b’xi ħaġa trid toqtlok. L-għażla l-oħra hi: li aħna niggarantixxu bħalma hi l-politika ta’ min ifaħħarha tal-istat tagħna u tal-Gvern fl-istrateġija għall-kura palljattiva, li aħna kemm fl-istat u kemm fl-NGOs bħalma huma l-Hospice lill-poplu tagħna noffrulu, tkun xi tkun id-dijanjosi, il-kura palljativa. Bħalissa hemm dijanjosi limitata li toffrilek il-kura palljattiva u l-Hospice għall-grazzja t’Alla hi pijuniera għax tifrex is-servizzi tagħha lil hinn mill-kanċer. Li aħna jkollna, u dan hu l-impenn tal-istat tagħna, u ta’ min ifaħħru, ninkoraġuh u ngħinuh dan l-impenn, li kulħadd ikollu kura palljattiva. Xi tfisser? Li tkun imwieżen sal-mument tal-mewt naturali tiegħu bis-sapport fiżiku li jneħħilu t-tbatija kemm jista’ jkun.”

Tenna li “wara kollox, il-proċess tal-mewt se jibqa’ dejjem proċess ta’ tbatija fiżika, spiritwali, psikoloġika; il-proċess tal-mewt hu l-proċess tal-mewt; qatt mhu se jkun esperjenza pjaċevoli. Inkunu qegħdin noħolmu jekk ngħidu, jien se jkolli proċess tal-mewt totalment miftum mill-ansjetà. Anke jekk toqtol lilek innifsek, nimmaġina li se jkun hemm il-mument tal-aħħar tal-ansjetà, li fih tidħol il-grazzja t’Alla.”

Fi tmiem tal-omelija qal li “ippermettuli ngħidilkom, li għax qed ngħid dan il-kliem, la jien estremist u lanqas bla qalb. U jekk qed ngħidu se nagħmlu diskussjoni b’moħħ miftuħ, u b’qalb miftuħa, ma naħsibx li għandkom għalfejn tgħiduli li jien estremist u bla qalb, għax qed inwassal il-kelma ċara ta’ Ġesù. Intom tifhmu li dan il-kliem, mhux se jagħlaqli ħalqi; imma jweġġagħni iva. U qed ngħidu hawn fil-kappella tal-Hospice għax hawnhekk hawn is-sinerġija tal-Knisja li jiena nirrappreżenta, tal-Hospice li jiena nirrispetta u nammira, u anke tal-Gvern Malti –  hawn sinerġija straordinarja. Hawnhekk hawn monument ta’ narrattiva sabiħa u ta’ suċċess, u din għandha tkun l-għażla tagħna.”          

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport