Friday, April 26, 2024

“Ma nemmnux li dan kien każ ta’ self-defense” – il-Prosekuzzjoni

Aqra wkoll

Joqrob lejn tmiemu l-ġuri dwar il-qtil ta’ Niġerjan fil-Qawra

Il-ġuri dwar il-qtil ta’ Niġerjan fil-Qawra qiegħed joqrob lejn tmiemu hekk kif ilbieraħ il-Prosekuzzjoni temmet l-indirizz tagħha lill-ġurati filwaqt li d-Difiża bdiet bil-kontro-replika tagħha. 

F’dan il-ġuri, li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, Okolo Innocent Okwudili, li huwa wkoll Niġerjan u għandu 39 sena, jinsab akkużat li qatel lil Amoubi Joseph Ezechi, li kellu 37 sena. 

Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Marzu 2020 fejn Amoubi kien allegatament qala’ daqqiet ta’ sikkina wara argument li nqala’ bejn iż-żewġt irġiel f’post fi Triq il-Ġifen.

Matul il-ġurnata tal-bieraħ, Dr Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali spjegat lill-ġurati li l-Prosekuzzjoni ma temminx li dan kien każ ta’ difiża personali (self-defense).

Dr Spiteri rrimarkat li meta xehed l-akkużat, fid-difiża tiegħu qal li huwa kien aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu wara li allega li “kien imsawwat sal-punt tal-mewt.”

Hija kompliet tgħid li kien inqala’ argument bejn il-vittma u l-akkużat u li mill-evidenza li tressqet, dan tal-aħħar irriżulta li kulma sofra kien biss ferita ħafifa fuq xuftejh. 

“Żommu f’moħħkom li din hi l-ewwel darba li l-akkużat tana l-verżjoni tiegħu. Ma smajnihiex qabel. M’aħniex konvinti li kien imsawwat sal-punt tal-mewt. Fl-aħħar mill-aħħar min spiċċa qala’ daqqiet ta’ sikkina? Żommu din f’moħħkom,” qalet Dr Spiteri lill-ġurati. 

Żiedet tgħid li: “l-akkużat irid jikkonvinċikom li kien hemm dan il-periklu gravi. Aħna lkoll nafu li ġarrab feriti ħfief. Għaldaqstant sta għalikom li tiddeċiedu jekk din kinitx gravi jew le. Ma rriżultax mill-evidenza li kien hemm marki fuq għonqu jew ta’ trażżin fiżiku.”

Qalet li ftit wara li allegatament tah daqqiet ta’ sikkina, ir-reazzjoni tal-akkużat kienet waħda kalma u dan ħareġ mix-xhieda li tressqu fil-Qorti u li tkellmu miegħu ftit tal-ħin wara li seħħ l-inċident.

“Ma nemmnux li dan kien każ ta’ self-defense. Kieku r-reazzjoni tiegħu kienet tkun differenti. Aħna umani u l-umani jesprimu l-emozzjonijiet. Aħna nafu kif tirreaġixxi persuna meta tkun imsawta sal-punt tal-mewt.

“Fejn mar l-akkużat wara li tpoġġa allegatament f’sitwazzjoni sal-punt tal-mewt? Ma marx għand il-pulizija iżda għand sieħbu. Fl-istqarrija tiegħu baqa’ jgħid ‘Niskuża ruħi’. Kien dispjaċut meta ħareġ mill-kamra? Kien dispjaċut għax kien jaf x’għamel,” qalet Dr Spiteri li saħqet li allaħares kull argument iwassal biex tmut persuna. 

Qalet ukoll li jekk persuna taġixxi fis-saħna tad-demm, ma kinitx se tibqa’ daqshekk kalma wara l-inċident, qisu xejn mhu xejn. “Meta (l-akkużat) qabad is-sikkina, għamel dan bl-intenzjoni li joqtol jew li jpoġġi l-ħajja tal-vittma f’riskju,” tenniet Dr Spiteri.

Lejn l-aħħar tal-indirizz tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet lill-ġurati li huma l-Imħallfin tal-fatt u li jridu jagħmlu ġustizzja, mhux biss mal-akkużat, il-vittma u l-familjari tiegħu iżda wkoll mas-soċjetà inġenerali li huma qegħdin jirrappreżentaw.

Il-ġuri jkompli llum.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Avukati Maria Francesca Spiteri u Meredith Ebejer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li għall-akkużat qed jidher l-Avukat Joe Mifsud. 

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport