Saturday, November 16, 2024

Ma nħallu lil ħadd warajna… ngħinu lil ħaddiema

- Il-President ta’ Malta George Vella jindirizza s-Summit tal-ILO

Aqra wkoll

Ma nħallu lil ħadd warajna…ngħinu lil ħaddiema, kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-President ta’ Malta George Vella waqt li lbieraħ kien qiegħed jindirizza s-Summit Dinji tax-Xogħol f’Ġinevra. Huwa sostna li bħalissa fid-dinja hawn 658 miljun persuna jgħixu fil-faqar estrem u dan hu numru rekord fid-dinja.

Il-President Vella qal li l-mira li kellha d-dinja li l-persentaġġ ta’ nies li jgħixu faqar estrem jinżel għal 3% sal-2030, hija mira li wieħed irid jinsa, sakemm ma jkunx hemm miżuri sinifikanti u jinbidlu ħafna affarijiet.

Għal din ir-raġuni l-mexxejja tad-dinja għandhom jaħdmu biex ma jħallu lil ħadd warajhom meta jkunu qegħdin jieħdu d-deċiżjonijiet, kompla jgħid il-President ta’ Malta. Tkellem ukoll dwar l-isfidi li qed tiffaċċja d-dinja u mhux b’inqas id-dinja tax-xogħol.

Irrefera għal pandemija, għal inċertezza ekonomija kif ukoll għal gwerra li għaddejja bejn ir-Russja u l-Ukranja. “Dawn l-affarijiet kollha li ġraw fl-aħħar snin ħallew marki kbar fuq is-soċjetajiet u l-popli madwar id-dinja kollha,” sostna l-President Vella.

Tenna li l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) hija opportunità unika hekk kif il-Gvernijiet, il-ħaddiema u min iħaddem ipoġġu fuq l-istess mejda bħala sħab indaqs biex jaraw kif wieħed jista’ jimxi ‘l quddiem. Il-President ta’ Malta kompla jgħid li hemm bżonn aġenda ħolistika biex il-Gvernijiet tad-dinja jgħinu fil-ħajja tal-miljuni ta’ nies u kulħadd jimxi ‘l quddiem.

Tenna li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbilità hekk kif il-komunitajiet tagħna spiċċaw wisq individwalisti. “Ma hemmx età, razza, kulura, nazzjonalità, sesswalità… kulħadd għandu jiċċelebraw dak li s-soċjetajiet jakkwistaw hekk kif jibqgħu mexjin ‘il quddiem,” temm jgħid il-President George Vella.

Ekonomija

Sport