Saturday, November 23, 2024

“Ma nibżgħux minn tibdil li jista’ jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd”

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja dwar il-ħidma biex ikun hemm qafas leġiżlattiv li jipprovdi flessibbiltà fix-xogħol filwaqt li xorta jħares id-drittijiet tal-ħaddiema

Minn MELVIN FARRUGIA

Waqt il-pandemija li esperjenzajna fl-aħħar xhur, deher ċar li filwaqt li ċerti prinċipji fir-relazzjonijiet industrijali u fil-qasam tax-xogħol iridu jibqgħu jgħoddu, min-naħa l-oħra tista’ tiġi offruta ċerta flessibbiltà li finalment twassal għal aktar effiċjenza u xogħol ta’ kwalità. 

Il-General Workers’ Union għaddejja b’ħidma, flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew, Josianne Cutajar biex jinħoloq qafas leġiżlattiv, li filwaqt li joffri din il-flessibbiltà, min-naħa l-oħra jħares id-drittijiet tal-ħaddiema. 

F’intervista mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja tkellimna dwar kif minkejja li hemm ċerti prinċipji bażiċi tax-xogħol li ma jinbidlux, maż-żmien qed jiġu offruti aktar miżuri favur il-familja u oħrajn li joħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Hu stqarr li l-privat dejjem offra reżistenza għal din il-flessibbiltà, minħabba l-biża’ li ma jkunx jista’ jikkontrolla lill-ħaddiema. Madankollu, semma kif il-pandemija bidlet ix-xenarju kollu peress li kien hemm il-ħtieġa li kulħadd jibqa’ jaħdem u allura kulħadd kellu jaċċetta li l-ħaddiema jaħdmu mid-dar. Jistqarr li f’dan ix-xenarju uniku, kien possibbli li din l-idea tiġi ttestjata. 

Għalhekk, Bugeja spjega li b’din il-kollaborazzjoni jrid jinbena qafas biex dak li seħħ waqt il-pandemija, issa jsir b’mod leġiżlattiv u jiġu esplorati forom ġodda ta’ xogħol, li jkun vantaġġjużi kemm għall-ħaddiema, kif ukoll għal min jimpjegahom. 

Bugeja qal li m’għandniex nibqgħu marbutin bilfors ma’ ġimgħa xogħol ta’ 40 siegħa li tkun mifruxa fuq tmien sigħat kuljum u fuq ħamest ijiem. Qal li fejn hu possibbli tista’ tingħata l-flessibbiltà lill-ħaddiem, sakemm dan jgħaqqad is-sigħat sa meta jkun stipulat u dejjem jekk ix-xogħol ikun jippermetti dan. 

Hu qal li ladarba niċċaqalqu minn dan il-kunċett u naraw li l-prinċipju jaħdem, allura mbagħad irridu mmorru lejn il-qasam leġiżlattiv. Semma kif id-dar trid titqies bħala l-estensjoni tal-post tax-xogħol u allura jrid ikun hemm liġijiet li jirregolaw x’inhuma l-affarijiet u s-servizzi li l-post tax-xogħol irid jipprovdi lill-ħaddiem, flimkien ma’ drittijiet bħal leave tal-mard u leave għal min iweġġa’.  

Josef Bugeja semma każ ta’ post tax-xogħol li ried idaħħal żewġ tipi ta’ flessibbiltà: waħda ta’ darba, fejn ħaddiem li jasal tard minħabba li jkun inqalagħlu xi ħaġa, ikun jista’ jaħdem il-ħin li tilef wara; u flessibbiltà kontinwa fejn ikun hemm ħin li jitqies bħala l-qofol tal-ġurnata tax-xogħol u l-ħaddiema jkunu jistgħu jidħlu kmieni jew tard u jpattu għall-ħin qabel jew wara. 

Sostna li dawn il-kunċetti ddaħħlu bi prova u kif l-idea ħadmet u żiedet fil-produttività, il-maniġment stess talab biex dan il-kunċett jiddaħħal ukoll għall-ħaddiema tax-xift. Bugeja qal li kulħadd mar tajjeb u deher ċar li mhix kwistjoni li xi ħadd jirbaħ u xi ħadd jitlef. 

Minflok, hu qal li din hi kwistjoni li nkomplu ntejbu l-ħajja tagħna. Min-naħa l-oħra, saħaq li jrid ikun hemm limitazzjonijiet li jipproteġu mill-abbużi li jistgħu jsiru. Semma fost l-oħrajn, li kien hemm min iħaddem li ma riedx iħallas il-kontijiet tad-dawl u tal-internet, filwaqt li oħrajn ma ridux jagħtu leave tal-mard lill-ħaddiema għax kienu qegħdin jaħdmu mid-dar. Għalhekk, hu qal li jrid ikun hemm pjanta ta’ fejn il-ħaddiem qiegħed jaħdem fid-dar biex jekk jiġri xi ħaġa f’dan il-post ikun qisu ġralek xi ħaġa fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li jekk tkun f’post ieħor dan ma jkunx il-każ. Iżda skont Josef Bugeja l-qofol ta’ dan kollu trid tkun relazzjoni ta’ fiduċja bejn min iħaddem u l-ħaddiem, biex ma naslux f’estremitajiet biex il-ħaddiem jiġi mmoniterjat li qed jagħmel xogħlu. 

Bħal unjin, Josef Bugeja qal li l-GWU qiegħda taħdem ma’ Josianne Cutajar fir-rigward tal-flessibbiltà fix-xogħol, iżda mhux fil-kundizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, semma li mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qed jitkellmu dwar id-dritt li wieħed jaqta’ mix-xogħol. Spjega li hu tajjeb li wieħed jaħdem mid-dar, iżda qal li hu importanti wkoll li bniedem ikollu ħin meta jaqta’ mix-xogħol u li jekk dan jinqabeż jitħallas tiegħu b’rata ta’ overtime. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li dan kollu jifforma nisġa sħiħa u għalhekk hemm bżonn leġiżlazzjoni bażika fuq xiex l-unjin tkun tista’ tinnegozja. Semma kif bħalissa diġà hemm qafas leġiżlattiv tat-teleworking, iżda qal li dan irid jiġi mwessa’ aktar. Barra hekk, qal li rridu naraw x’se jiġri dwar id-dritt li naqtgħu mix-xogħol, biex ikunu jistgħu jitfasslu parametri. Qal ukoll li fuq livell Ewropew qiegħda ssir ħidma biex jaraw kif il-flessibbiltà taffettwana u kif irridu naħdmu, mhux biss fis-suq lokali. Iżda fuq kollox, Josef Bugeja tenna li hu importanti li tinbena din ir-relazzjoni ta’ rispett u fiduċja, fejn l-affarijiet isiru skont l-esiġenzi tal-kumpanija u tal-impjegat. 

Għaldaqstant, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li fuq livell Ewropew se jitkellmu mal-ETUC, filwaqt li Josianne Cutajar se titkellem fil-Parlament Ewropew biex jaraw x’inhuma l-aħjar prattiċi ta’ dak li qed jiġri barra, b’mod speċjali fil-pajjiżi Nordiċi, ħalli mbagħad iġibuh Malta u jimplimentawh f’pajjiżna. 

Ħaddiema li m’għandhomx min iħaddimhom

F’dan il-kuntest ukoll, Bugeja semma wkoll li l-GWU ilha titkellem, sa minn qabel il-pandemija, dwar diversi kumpaniji u impjiegi li jissejħu platform economies, fejn għandek applikazzjonijiet tad-deliveries, taxies, eċċ. li jaħdmu magħhom diversi ħaddiema iżda mhumiex impjegati magħhom. 

Bugeja staqsa lil min jistgħu jfittxu dawn il-ħaddiema jekk xi ħadd minnhom iweġġa’ waqt ix-xogħol, meta l-applikazzjoni hi biss interlokutur bejn il-konsumatur u min jipprovdi s-servizz. Semma wkoll lid-dependent self-employed u staqsa kif inhuma koperti dawn il-ħaddiema jekk jinqala’ inċident. 

Għalhekk, Josef Bugeja qal li anke f’dan il-kuntest hemm bżonn li jsir qafas leġiżlattiv li jkoprihom. Saħaq li m’għandniex nibżgħu mill-flessibbiltà, iżda insista li jrid ikun hemm parametri ċari ta’ kif dan għandu jsir. Spjega li nkella nistgħu nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm linja li taqta’ bejn il-ħajja personali u dik tax-xogħol u dan iwassal biex ikun hemm stress żejjed u l-ħaddiema jispiċċaw maħruqin bix-xogħol. 

X’ħidma saret u qiegħda ssir

Mistoqsi dwar il-ħidma li saret s’issa dwar il-qafas leġiżlattiv, Bugeja qal li bħala unjin qed jiltaqgħu ma’ diversi stakeholders, filwaqt li Josianne Cutajar tkellmet diġà ma’ kumpanija li qiegħda timplimenta miżuri ta’ flessibbiltà bħal dawn. Semma wkoll li l-unjin qiegħda titkellem mal-ETUC biex tara x’qafas jista’ jintuża u x’inhuma l-aħjar affarijiet li jridu jsiru. Qal li minn hemm imbagħad se jiltaqgħu ma’ min iħaddem, mal-Kamra tal-Kummerċ u anke ma’ unjins oħra, għax il-prinċipju hu dak li jimxu ‘l quddiem. Bugeja qal li mbagħad se jitkellmu mal-partiti politiċi u jekk ikun hemm bżonn iressqu qafas leġiżlattiv, permezz tal-avukati tal-unjin stess. 

Josef Bugeja qal li ma rridux nibżgħu nagħmlu l-ewwel pass. Qal li hu minn dejjem kien favur it-teleworking, iżda meta rah jaħdem kien xi ftit xettiku minħabba li jonqos il-kuntatt uman. Għalhekk jemmen f’kunċett ibridu, fejn parti mix-xogħol isir mid-dar, iżda xorta jkun hemm biċċa li ssir mill-post tax-xogħol ħalli ma tinqatax l-interazzjoni umana. 

Il-Gvern li jippromwovi l-flessibbiltà?

Mistoqsi dwar jekk il-Gvern għandux ikun hu li jippromwovi din il-flessibbiltà, Bugeja qal li l-Gvern minn dejjem kellu l-politika tat-teleworking, li din kienet taħdem. Saħaq li għalkemm din minn dejjem kienet hemm, fl-2013 ħarġet ċirkolari, fejn il-Gvern kien qal lid-dipartimenti u lis-settur pubbliku biex jinformaw biss lill-Gvern meta ma jagħtix teleworking. Dan ifisser li d-direzzjoni kienet li tingħata dejjem, u jekk le il-Gvern jiġi informat u jingħata r-raġuni. 

Għalhekk, Bugeja qal li min irid jaħdem bit-teleworking jista’ japplika biex jaħdem hekk. Min-naħa l-oħra, irrikonoxxa li fl-uffiċċju dejjem irid ikun hemm xi ħadd u għalhekk qal li tista’ ssir sistema ta’ rotazzjoni biex kulħadd jibbenefika minn din il-flessibbiltà. 

Filwaqt li sostna li jista’ jkun hemm mistoqsijiet u sfidi li jridu jiġu indirizzati, Bugeja qal li ma rridux nitilfu din l-opportunità u talab biex naraw kif se nsibu l-bilanċ. Saħaq li m’għandniex nibżgħu minn tibdil li jista’ jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd, għax jekk nippersistu li ma ninbidlux allura nispiċċaw niġu estinti. 

Sport