Ilbieraħ kien jaħbat it-62 sena minn mindu l-Eżekuttiv Laburista kien ingħata l-interdett mill-Knisja Maltija u imbagħad dan kien infirex fuq min jaqra l-ġurnali tal-Partit Laburista u fuq min attendi l-attivitajiet tal-Partit Laburista.
Ġrajja li sfortunatament ħalliet weġgħat kbar. Weġgħat kbar li għadhom jinħassu. Ħafna huma dawk imweġġa’ li jgħidulek ‘naħfer iva imma ninsa qatt’. Kien kunflitt politiku reliġjuż li hawn min jipprova jaħbiha u jnessiha. Xi wħud, meta ssemmi din il-ġrajja, jgħidulek ‘dik issa għaddiet. Tiftaħx feriti”. Nemmnu li fil-fatt min jitkellem dwar din il-ġrajja ma jkun qed jiftaħ ebda feriti. Dan għas-sempliċi raġuni li l-feriti ta’ dawk li għaddew minn din il-weġgħa qatt ma ingħalqu.
Ftit snin ilu, mingħajr mistenni, l-Arċisqof Charles Scicluna, waqt konċelebrazzjoni fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fuq deċiżjoni tiegħu stess kien żar dik il-parti magħrufa bħala ‘l-Miżbla’. Il-parti li fiha ndifnu dawk li l-Knisja Maltija kienet ikkundannata bid-dnub il-mejjet. Talab apoloġija u berikha. Ovvjament din ma kinitx l-ewwel darba li saret, għax l-iskuża kien talabha qablu l-Arċisqof Ġużeppi Merċieċa.
L-Arċisqof dakinhar kien irrimarka li “ħutna mejtin jistħoqqilhom ir-rispett ta’ kull wieħed u waħda minna, huma min huma. Il-ġudizzju, wara kollox, f’idejn Alla. Il-ħniena tiegħu tifrex il-medda taż- żminijiet u tiżboq saħansitra fl-eternità. Hemm bżonn naħdmu għar-rikonċiljazzjoni vera li mhix faċli. Il-feriti huma profondi u kbar.
Imma jien nixtieq inwiegħed lill-poplu Malti din il-ħaġa: jiena nagħti ħajti biex il-poplu tagħna jfiq mill-ġerħat l-antiki u fil-Knisja jara l-ħabiba ta’ kulħadd tal-kbir u taż-żgħir, tal-għani u tal-fqir”.
Kliem sabiħ kemm tridu. Kliem li jalla jitwettaq. Imma l-feriti huma wisq fondi. Għaddew aktar minn 60 sena u l-feriti fost il-qraba ta’ dawk milqutin għadhom jinħassu. Jgħidulek ‘naħfru iva, ninsew qatt”. Hemm min ukoll jgħidlek li “wara dak li għaddiet minnu familti ma nistax naħfer”
Sitwazzjoni li turik li lil hinn mill-apoloġiji u kliem ieħor, il-Knisja trid tagħmel ferm u ferm aktar. Nemmnu li dan il-kunflitt politiko reliġjuż m’għandux jintesa.
M’għandu jintefa’ taħt it-tapit. Dawk il-51,000 suldat tal-azzar, li marru kontra kollox għax kienu konvinti mill-prinċipji tagħhom, għandhom jibqgħu jitfakkru. Dawk kienu ta’ eżempju għalina li l-ebda theddid jew tbeżżiegħ m’għandu jwasslek biex tabbanduna dak li temmen fih.
Nemmnu u konvinti moralment li dak li seħħ dakinhar ma kien xejn għajr użu ħażin tal-poter spiritwali. Xejn iżjed u xejn inqas. Dik id-deċiżjoni ma tteħditx f’saħna imma kienet ilha tiġi kkontemplata. S’issa mill-Knisja Maltija smajna biss bl-apoloġija u bi tfigħ ta’ ilma fuq l-oqbra.
Nemmnu li għandu jsir ferm aktar minn hekk, biex għall-inqas lil dawk imweġgħin, li llum h uma fl-anzjanità tagħom u lil uliedhom itaffulhom ftit mill-weġgħa. S’issa kien biss iż-żmien li taffa ftitmill-weġgħa. L-apoloġija li ntalbet, hi għal dak li qed jissejjaħ żball minn naħa tal-Knisja f’din il-kwistjoni. L-ebda apoloġija ma ttaffi wġigħ ikkawżat minn sitwazzjoni simili. Nemmnu li l-Knisja għandu jkollha l-kuraġġ u tammetti, li d-dnub il-mejjet ma kienx żball, imma użu ħażin tal-poter spiritwali – li wassal biex fired nies tal-istess twemmin minħabba t-twemmin politiku tagħhom.
U ovvjament jekk hawn xi ħadd li jrid inessi din il-ġrajja, il-messaġġ tagħna hu wieħed – le dak li sar m’għandux jintesa. Għandu jibqa’ jiġi mfakkar bit-tama li l-istorja ma tirrepetix ruħha. Jibqa’ jiġi mfakkar biex iż-żgħażagħ tal-lum u dawk li telgħin, ikunu jafu li f’pajjiżna kien hawn min lest jisfida, imur kontra kollox u għal dan saħansitra ġie umiljat u mżeblaħ.
Hi sfortuna li f’pajjiżna m’hawn xejn xi jfakkar dan il-kunflitt politiku reliġjuż. Ma jeżisti ebda mafkar li jfakkar lil dawk li kienu ġew interdettjati. Il-mistoqsija hi għaliex m’għandniex mafkar? Irridu jew ma rridux nitgħallmu mill-istorja u mill-iżbalji tal-passat. Ma ninsewx li jekk wieħed ma jitgħallimx mill-passat, ikun destinat li jerġa’ jirrepetiha”.