Monday, April 29, 2024

“Ma nippermetti lil ħadd jittimbra lil uliedna fuq marka ta’ eżami”

Lelio Spiteri, Kap ta' Skola Primarja

Aqra wkoll

Dan iż-żmien tas-sena joħloq stennija kbira fost l-istudenti sabiex wara żmien ta’ studju u sagrifiċċji, jaqtgħu l-frott ta’ dak li jkunu żergħu malli jirċievu r-riżultati tal-eżamijiet. Però, minkejja li għal xi wħud l-aħbar tista’ tkun pjuttost pożittiva, għal oħrajn taf tkun daqsxejn qarsa minħabba li għalkemm ikunu għamlu l-almu tagħhom kollu ma jirnexxilhomx jiksbu r-riżultat mixtieq. Għaldaqstant, wieħed għandu juri ċertu sensittività meta jkun qed jitkellem ma’ sħabu jew ma’ ġenituri oħra dwar dan is-suġġett u li noqogħdu attenti li ma tinħoloqx pressjoni żejda fuq l-istudenti dwar il-marki tal-eżamijiet.

Wieħed mill-Kapijiet tal-Iskola Primarja, Lelio Spiteri, ħass li jeħtieġ titqajjem iżjed kuxjenza dwar din il-materja, għaliex huwa jemmen li l-eżamijiet mhumiex kollox fil-ħajja u li għandha tingħata iktar importanza lil dawk l-affarijiet li wieħed jitgħallem matul iż-żmien tal-iskola għax huma dawn li jgħinu fil-formazzjoni tal-karattru u l-binja tal-valuri: “Għeżież tfal, tħallu lil ħadd jittimbrakom fuq marka ta’ eżami. L-eżamijiet ma jkejlux l-intelliġenza, il-firxa ta’ ħiliet li għandkom, il-valuri sbieħ li jsawru lil ħajjitkom. L-importanti mhux kemm ġibtu marki jew ma ġibtux, imma li dak li tgħallimtu matul is-sena skolastika għenkom mhux biex tirrepetuh f’karta ta’ eżami, imma biex tinbnew f’persuni aħjar, isbaħ, aktar kolti u sħaħ, nies imżejna b’dawk il-valuri li jgħallmuna ngħixu f’dinja ta’ rispett, imħabba u tolleranza. Dan hu l-importanti, l-essenzjal!” Huwa għalaq il-messaġġ tiegħu billi saħaq li qatt mhu se jaċċetta li persuna tittimbra lill-istudenti fuq marka ta’ eżami.

Dan il-messaġġ wassal għal bosta reazzjonijiet pożittivi, b’għadd ta’ kummenti ta’ tifħir lejn il-ħidma tas-Sur Spiteri, fosthom: “Int ħaqqek tkun fl-amminstrazzjoni tal-edukazzjoni ħalli nbiddlu s-sistema u l-kurrikulu li għad għandna u nġibuhom iktar ħolistiċi, mhux għadna mwaħħla ma’ sistema ta’ marki”.

Oħrajn urew tħassib għal dak li qal is-Sur Spiteri għaliex iħossu li minkejja li d-diskors li qal huwa verità, wieħed jeħtieġ li jikseb iċ-ċertifikati sabiex ikollu xogħol u jkun jista’ jibqa’ miexi ’l quddiem fil-karriera li jikseb. Saħansitra persuna minnhom argumentat li missna nibdew nitħassbu bis-serjetà dwar il-livell edukattiv ta’ pajjiżna u li minflok inserrħu moħħ l-istudenti li ma jkun ġara xejn jekk ma jgħaddux mill-eżamijiet, għandna nġegħluhom jirrealizzaw li jekk ma jilħqux ċertu livell edukattiv se jħabbtu wiċċhom ma’ bosta diffikultajiet f’ħajjithom.

Sport