Sunday, December 22, 2024

“Ma nistax ninsa dak li ġara lil binti”

- omm tfajla li nqatlet waqt il-protesti fl-Iran

Aqra wkoll

Omm tfajla ta’ 16-il sena allegatament maqtula mill-forzi tas-sigurtà waqt protesti fl-Iran tkellmet dwar l-uġigħ tagħha wara l-mewt ta’ bintha.

F’intervista mal-BBC, Nasrin Shakarami tgħid li “ma tistax tinsa” dak li ġara lil bintha Nika. Hija kienet qiegħda titkellem mal-attriċi Zar Amir Ebrahami, li ħarbet mill-Iran fl-2008.

Nasrin ċaħdet ukoll it-talbiet tal-awtoritajiet b’rabta mal-imwiet ta’ dimostranti u qalet “ilkoll nafu li qed jigdbu.”

Nika nqatlet waqt protesti li saru lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet u minn dakinhar komplew għaddejjin għalkemm saru ferm inqas intensi minħabba repressjoni mdemmija mill-forzi tas-sigurtà.

L-inkwiet beda wara l-mewt ta’ Mahsa Amini, żagħżugħa li kienet inżammet mill-pulizija fil-kapitali talli allegatament kisret ir-regoli stretti tal-Iran li jirrikjedu li n-nisa jgħattu xagħarhom b’hijab.

Erbat ijiem wara li mietet Masha, Nika ġiet iffilmjata waqt protesta f’Tehran li tat in-nar lill-velu li kienet liebsa f’rasha.

Fl-intervista tagħha ma’ Ebrahimi, Nasrin tgħid: “Nika kienet imħassba dwar l-inġustizzja u d-diskriminazzjoni lejn l-Iranjani. Kienet taħseb ħafna dwarha.

“Kienet estremament avventuruża u bla biża’. Dejjem kont inkwetata dwar kemm kienet kuraġġuża. Dejjem kont nibża’ li jista’ jiġrilha xi ħaġa.”

Ekonomija

Sport