Friday, November 15, 2024

MA NISTENNEWX SKIET DWAR DANNU GĦALL-PRODOTT LOKALI

Aqra wkoll

L-għajnuna lill-ħaddiem bieżel hija prijorità fil-ħsieb tagħna. Nemmnu li l-ħaddiem għandu mhux biss ikun inkoraġġit jaħdem, iżda fejn jinqalgħu intoppi jkun hemm min jgħinu biex jegħleb ostakli li jxekkluh fil-ħidma tiegħu. Il-ħaddiem, ikun min ikun, jaħdem f’liema settur jaħdem, m’għandux jiġi mxekkel milli jaqla’ l-għajxien tiegħu, b’mod speċjali b’ċertu rappurtaġġ fil-midja li xejn ma jagħti ġieħ lil ħidmietu u li minflok tiffoka fuq kif se tiġbed l-aktar l-attenzjoni u biex ngħidu hekk tbeżża’ għax hemm se jkollok iżjed persuni jikkummentaw. Naqblu wkoll li s-saħħa u s-sigurtà huma kruċjali kemm għall-istess ħaddiem, min iħaddem u anke l-konsumaturi li jakkwistaw il-prodotti maħdumin minnhom.

Meta nħarsu lejn is-sitwazzjoni rappurtata fl-aħħar jiem rigward il-possibbiltà ta’ każ ta’ bruċellożi f’koppja Olandiża li qed jingħad li kielu ġbejniet minn Għawdex huwa wieħed mill-eżempji ta’ dan li qed niktbu dwaru. X’jiswa li nsostnu li jeħtieġ li nippromwovu l-prodott lokali, li rridu naraw li noffru serħan il-moħħ lill-bdiewa, lis-sajjieda u lir-raħħala tagħna jekk quddiem ċertu sitwazzjonijiet bħal dan l-aktar riċenti, kellna l-awtoritajiet li baqgħu ċassi quddiem tali rappurtaġġ. Jeħtieġ li mill-kliem ngħaddu għall-fatti għax is-serħan il-moħħ lil dawn in-nies li jaħdmu lejl u nhar fl-irziezet tagħhom ma nistgħux noffruh jekk quddiem rappurtaġġ ta’ każ daqstant serju l-awtoritajiet ma’ jikkjarifikawx dwaru. Quddiem tali każ, il-ħaddiem, f’dan il-każ ir-raħħal, donnu spiċċa bla vuċi quddiem il-preokkupazzjonijiet tiegħu li jnaqqas fil-bejgħ. Huwa fatt bla preċedent li rappurtaġġ ta’ każ ta’ prodott possibbilment infettat se jwassal għal daqqa ta’ ħarta fil-bejgħ għax il-pubbliku se jieħu l-aħbar b’allarm u għalhekk biex jevita kompletament li jirriskja, jaqta’ għalkollox ix-xiri tal-prodotti relatati anke fuq firxa usa, irrispettivament jekk dan il-każ seta’ rriżulta minn ġbejna f’Għawdex jew le. 

F’dan il-każ, li l-awtoritajiet ma rreaġixxewx wasslu għal stampa ’l bogħod mir-realtà. Li ma kienx hemm reazzjoni ma jfissirx li f’pajjiżna ma sarx avvanz biex tiġi mħarsa s-saħħa tan-nies. Skont informazzjoni maħruġa fl-aħħar jiem mill-parlament dan kien konfermat meta ntqal li sar investiment kbir fil-laboratorji tas-servizzi veterinarji fil-biċċerija fil-Marsa. Dan l-investiment kbir li sar wassal biex l-awtoritajiet qegħdin iwettqu ttestjar kontinwu fuq il-merħliet ta’ pajjiżna, u b’hekk jassiguraw li l-prodotti tagħhom ikunu ħelsin mill-mard. F’dan il-każ, il-ħalib tan-nagħaġ u l-mogħoż qiegħed jiġi ttestjat kull ġimagħtejn u dan minbarra numru ta’ testijiet oħra fosthom kampjuni tad-demm tal-bhejjem kollha. F’każ ta’ bhejjem dubjużi, dawn jiġu immedjatament imwarrba u f’każi fejn il-bhejjem jirriżultaw ‘full positive’, dawn ikollhom jinqatlu. Dan minbarra numru ta’ spezzjonijiet u testijiet oħra anke fejn tidħol l-importazzjoni ta’ bhejjem oħrajn. 

Lil hinn minn xtutna, dokumenti maħruġa mill-Unjoni Ewropea jikkonfermaw ukoll li pajjiżna huwa wieħed mill-istati fl-UE li huwa dikjarat bħala territorju kompletament ħieles mill-marda tal-buċellerożi u mard ieħor. 

Nemmnu li s-saħħa u s-Sigurtà tal-poplu kollu għandha tkun fost il-prijoritajiet tal-awtoritajiet. Nemmnu wkoll li kull każ ta’ saħħa għandu jittieħed b’serjetà kbira, iżda nemmnu wkoll li l-għajxien ta’ dak li jkun m’għandux jiġi mxekkel minn nuqqas ta’ kjarifikazzjoni. Kull ħaddiem għandu jiġi rikonoxxut, daqstant ieħor dawn ir-raħħala tagħna li jiddedikaw ħajjithom biex jgħixu mal-bhejjem tagħhom lejl u nhar biex jipproduċu tali prodotti.

Ekonomija

Sport