Wednesday, June 25, 2025

“Ma nistgħu qatt ninsew it-tbatijiet li l-kunflitti madwarna qed iħallu fuq in-nies”

Aqra wkoll

“Wara kull kunflitt hemm familji, tfal u komunitajiet li l-ħajja ta’ kuljum tagħhom qed tinbidel minħabba l-biża’, it-telfien u l-inċertezza. Ma nistgħux ninsew it-tbatijiet kbar li dawn il-kunflitti qed iħallu fuq dawn in-nies, sempliċiment għaliex kellhom id-destin li jitwieldu f’nofs il-ġlied.”

It-Tlieta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, fil-kariga tiegħu bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, indirizza s-Sessjoni tas-Sajf tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), fejn ħeġġeġ lill-Ewropa biex tirreżisti t-tentazzjoni li taċċetta t-tbatijiet tal-kunflitti bħala xi ħaġa inevitabbli.

“Jekk ninnormalizzaw il-kunflitti nkunu qed nheddu l-umanità komuni tagħna u ngħawru l-prinċipji fundamentali li fuqhom bnejna l-paċi u l-ġustizzja matul is-snin. Minflok, għandna responsabbiltà kollettiva li nibqgħu insaħħu dawn il-prinċipji u naħdmu flimkien għal soluzzjonijiet ta’ paċi dejjiema,” tenna Dr Borg.

Fl-ewwel diskors tiegħu lill-Assemblea Parlamentari minn meta Malta ħadet f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa x-xahar li għadda, Dr Borg spjega l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija. Ikkonferma li Malta qed iżżomm l-Ukrajna fuq nett tal-aġenda tal-Kunsill tal-Ewropa, u għalhekk, kien pass loġiku għal Malta li tmexxi ’l quddiem it-twaqqif tat-Tribunal Speċjali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-Reat ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna.

“Billi nappoġġjaw dan it-Tribunal, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Istati Membri tiegħu qegħdin nuru r-rieda li naħdmu għall-ġustizzja bil-fatti, mhux biss bil-kliem,” qal Dr Borg. F’dan il-kuntest, it-Tlieta waranofsinhar id-Deputat Prim Ministru mexxa laqgħa straordinarja tal-Kumitat tal-Ministri biex adotta d-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim bilaterali li jistabbilixxi dan it-Tribunal.

Meta kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni gravi fil-Lvant Nofsani, huwa nnota li filwaqt li l-Kunsill tal-Ewropa kkundanna b’mod ċar l-attakki mwettqa mill-Hamas fis-7 ta’ Ottubru 2023, huwa daqstant ieħor imħasseb u allarmat bit-tbatijiet f’Gaża wara dawn l-attakki, li għadhom għaddejjin sal-lum.

Dr Borg aġġorna wkoll lill-Assemblea dwar l-inizjattivi ewlenin tat-terminu ta’ sitt xhur li għandha l-Presidenza Maltija. Semma attivitajiet u laqgħat għolja skedati għaż-żmien li ġej, fosthom l-ewwel Konferenza Ministerjali dwar il-Konvenzjoni ta’ Lanzarote li se ssir il-ġimgħa d-dieħla, għall-ħarsien tat-tfal mill-abbuż u l-isfruttament sesswali, kif ukoll l-10 Konferenza Ministerjali dwar iż-Żgħażagħ, f’Ottubru. Xahar wara, il-Presidenza Maltija se tfakkar il-75 anniversarju tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Wara d-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Malti wieġeb mistoqsijiet mill-membri parlamentari tal-Assemblea.

Id-delegazzjoni Maltija mmexxija minn Dr Borg kellha wkoll laqgħat mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, u mal-President tal-Assemblea Parlamentari, Theodoros Rousopoulos.

Il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, ser jindirizza l-Assemblea Parlamentari nhar l-Erbgħa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport