Grupp ta’ ġurnalisti, iffissati fil-fatti, ma jafux għandhomx jindagaw l-ironija li, fil-Malti, l-kelma MA-RA fiha l-ewwel ittri tal-kelma mara [ma], kif ukoll raġel [ra]. Jisfidaw lilhom infushom, iridu jiskopru jekk kliem u għemil in-Nazzarenu għadux iqanqal lill-bniedem fi żmienna, kif isostnu xi wħud.
Jiddubitaw jekk għandhomx jistaqsu: Min kien in-Nazzarenu?… jew: Min hu?; jew jekk għadhomx jitwaddbu midimba quddiemu biex jikkundannhom. Tgħid għadu jagħżel grupp ta’ nisa biex jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru? Qed jiġrilu l-istess: l-ewwel jgħajtulu ‘OSANNA’, imbagħad din l-għajta tinbidel f’‘SALLBU’?
Jerġgħu jkunu l-awtoritajiet reliġjuzi u politiċi li jaqtgħuhielu għall-mewt? L-istess ġurnalisti jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ persunaġġ misterjuż li l-ħin kollu jipproponi kif l-Maltin għandhom u jistgħu jgħixu f’armonija bejniethom. Bla ma jafu, isibu ma’ wiċċhom il-buzz-words: ‘Going back to the basics’.
Il-produzzjoni ‘Ma-ra’, li ħejjiet l-Għaqda Teatrali DWAL ĠODDA bħala preambolu għall-Ġimgħa Mqaddsa f’pajjiżna tifli – ukoll permezz ta’ nies li jressqu ’ilquddiem l-istess ġurnalisti – jekk man-Nazzarenu tistax tibqa’ sieq ’lhawn u sieq ’lhemm, bejn temmen jew ma temminx fih.
L-Għaqda Teatrali DWAL ĠODDA tippreżenta l-produzzjoni ‘Ma-ra’ fl-iSpazju Teatrali ta’ Ħal Għargħur:
Mill-Erbgħa 9 sas-Sibt 12 t’April fit-7.30pm;
Il-Ħadd 13 t’April, fit-3.00 pm, ħalli wara titgawda l-purċissjoni tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira li f’Ħal Għargħur isseħħ nhar Ħadd il-Palm;
Dħul b’xejn, kulħadd mistieden, meħtieġ booking.
Kif xieraq, l-appoġġ tal-udjenza jkun apprezzat.
Din hi l-50 produzzjoni għal żmien il-Ġimgha l-Kbira minn din l-Għaqda tul 55 sena ta’ ħidma teatrali tagħha. Kull sena nbidel l-iskript kif jinħass li aktarx tinbidel ir-relevanza ta’ kliem u ghemil in-Nazzarenu mal-ħajja tal-bniedem, fil-ħajja tagħna Maltin.