Friday, May 16, 2025

Ma ridux tfal… bdew jixorbu, jieħdu sustanzi illeċti u jmorru swinging parties

… kellu jkun il-mard li fetaħ għajnejn ir-raġel li din ma kinitx ħajja li kien qed jgħix

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kienet għaxar snin akbar minnu. Marret tgħix. Għaħlu disa’ snin flimkien mis-sena 2015 sa sena ilu. It-tnejn li huma qablu li ma kellhomx iġibu tfal. Spiċċaw f’ħajja li fiha bdew jabbużaw mix-xorb, jieħdu sustanzi illeċiti u jmorru swinging parties – li fihom bi qbil bejniethom ikollhom sess ma’ terzi persuni bil-kunsens ta’ xulxin. Kien jagħmlu dan biex ma jiddejqux minn xulxin. 

Ir-raġel qal li kien beda jaħdem ma’ kumpanija li toffri servizzi telefoniċi fl-istess li l-mara kienet bdiet ukoll taħdem hemm. Minkejja li l-mara kienet kważi għaxar snin akbar minnu, huma bdew iqattgħu ħafna ħin flimkien. Il-mara kienet qaltlu mill-ewwel bis-sitwazzjoni diffiċli li kellha d-dar tal-ġenituri tagħha fejn kellha toħroġ taħdem biex tkun tista’ tiekol. Kienet tgħidlu li kellha sikkatura estrema d-dar anke fejn tidħol iġene u kienet torqod f’kamra flimkien ma’ zitha armla. Huma kienu bdew joħorġu flimkien u l-mara kienet bdiet tqatta’ ħafna ħin id-dar tiegħu minħabba li kien jogħġobha ferm l-ambjent li kien ikun hemm id-dar tal-ġenituri ta’ dan ir-raġel. Kienet torqod miegħu fl-istess sodda u ftit ftit ġarret l-affarijiet personali tagħha għal għandu.

Ir-raġel qal li dak iż-żmien kien għadu żgħir u kien jara l-ħajja bħala avventura. 

Jgħid li kienu sofrew azzjonijiet koroh mill-familja tal-mara tant li dawn lanqas biss attendew għat-tieġ tagħhom. Billi l-mara ma kellha lil ħadd, iggranfat ma’ dan ir-raġel u l-familja tiegħu meta hu ma kienx lest għal impenn daqshekk serju. Jgħid li l-attività sesswali bejniethom kienet biss b’intenzjoni ta’ pjaċir fiżiku u b’hekk kienu eskludew li jkollhom it-tfal flimkien, kemm qabel kif ukoll wara t-tieġ tagħhom. Kienu ftehmu wkoll li r-relazzjoni tagħhom kienet tkun waħda miftuħa għal terzi u għalhekk mhux esklussiva għal xulxin. Kienu jesperjenzaw sustanzi illeċiti flimkien u biex jottjenu dawn is-sustanzi tħalltu ma’ nies li introduċewhom għal swinging parties, jiġifieri attivitajiet li fihom huma kienu jbiddlu s-sieħeb jew sieħba tagħhom u jkollhom attivitajiet sesswali ma’ terzi. Bdew jattendu l-iswinging parties qisu wara l-ewwel sena t’għerusija u bdew jattendu għalihom kemm Malta kif ukoll siefru barra minn Malta bil-għan specifiku li jattendu attivitajiet ta’ din in-natura. 

Il-partijiet ma kienux ibatu minn għira għal xulxin iżda kienu jaqblu li biex jibqgħu f’relazzjoni flimkien kellhom jeskludu l-element ta’ fedeltà. Anke l-ġenituri rispettivi tagħhom, kif ukoll in-nanniet tar-raġel kienu jafu li l-partijiet kienu eskludew li jkollhom tfal flimkien. Anzi r-raġel kien jgħid li kienu huma stess li kienu jgħidulhom biex ma jġibux tfal fid-dinja għax ma kienux ser joffrulhom stabbiltà. 

Ir-raġel iddikjara li l-partijiet kienet togħġobhom ferm l-iskop tal-attivitajiet tal-iswinging parties tant li wara li żżewgu, bdew jorganizzaw attivtaijiet simili imma fuq skala żgħira ġewwa d-dar tagħhom stess. 

Kien f’dan il-perjodu li l-partijiet kienu jagħmlu użu mis-sustanzi lleċiti u jattendu l-iswinging parties li kienu ddeċidew li jiżżewġu. Ir-raġel kien ippropona lill-mara li jiżżewġu ġo bar wara lejl jixorbu. Hi ma kinitx oġġezzjonat iżda kienet għamlitha ċara miegħu li la riedet tfal u lanqas riedet twaqqaf l-attività tal-swinging parties. Ladarba r-raġel ried l-istess ħaġa, huma mexxew bil-pjan tagħhom u żżewġu tlett xhur wara ġewwa r-reġistru tal-Belt. 

Wara ftit ġimgħat miż-żwieġ tagħhom, huma bdew jattendu mill-ġdid l-attivitajiet tal-iswinging parties anzi issa bdew isiefru għalihom. Kienu jattendu għal dawn l-attivitajiet madwar kull ħmistax għajr għal perjodu tal-pandemija. Madanakollu huma xorta kienu jkunu intimi bejniethom. 

Ir-raġel iddikjara li kollox inbidel meta l-partijiet individwalment bdew jinteressaw ruħhom f’terzi individwi li kienu iltaqgħu maghhom fl-iswinging parties. Il-partijiet bdew jiffrekwentaw terzi individwi minn wara dahar xulxin u dan wassal għal ħafna ġlied bejniethom. Dan il-ġlied, kif ukoll il-vizzji ssoktaw u għalhekk ir-raġel iddeċieda li jiftaħ proċeduri legali għan-nullità taż-żwieġ. 

Ir-raġel fix-xhieda tiegħu qal li kellu jkun il-mard li għadda minnu, li fetaħlu għajnejh li din ma kinitx ħajja li kien qed jgħix. 

Omm ir-raġel xehdet li l-partijiet kienu jgħixu fil-fantasija u kienet tarahom immaturi ħafna minħabba li t-tnejn kienu jgħixu ħajja egoistika. 

Il-mara tiegħu fix-xhieda tagħha qalet li kellhom qbil li r-relazzjoni tagħhom tkun waħda miftuha għal relazzjonijiet oħra ma’ terzi u kienu anke, bi qbil bejniethom, jattendu attivitajiet hawn Malta u jsiefru biex imorru postijiet speċifiċi li jippermettulhom ikollhom relazzjonijiet ma’ terzi. Kienu jiftehmu ma’ kopji oħra biex ibiddlu s-sieħeb jew sieħba tagħhom u jkollhom relazzjoni intimi. Għalkemm kien ikun hemm dawn r-relazzjonijiet intimi, huma kienu kuntenti fir-relazzjoni ma’ xulxin u kienu jħobbu lil xulxin – kien għalhekk li kienu żżewġu. Huma kienu marru għal iswinging parties jew wife swapping biex ma jiddejqux minn xulxin u filfatt din l-attività tirrikjedi element kbir ta’ fiduċja bejn il-kopja. Hi enfasizza li ż-żwieġ tkisser minħabba li nbidel il-karattru tar-raġel. Kienet indunat li hu kellu mara oħra minn wara daharha u din ma kinitx aċċettabbli għaliha. Kienu għamlu xi xahrejn mhux flimkien iżda wara reġgħu irranġaw. Iż-żwieġ tagħhom dam madwar disa’ snin. 

Il-Qorti qalet li ż-żwieg hu wieħed mill-kuntratti l-aktar essenzjali għas-soċjetà u bla dubju ta’ xejn huwa ta’ ordni pubbliku li l-sorti trid tersaq lejh bl-aktar rispett. Għall-Qorti n-nullità hija ħaġa serjissima u eċċezzjonali bbażata fuq ir-rekwiżiti legali, u bħala materja eċċezzjonali trid tkun interpretata restrittivament. Din il-Qorti semgħet lill-partijiet infushom, kif ukoll ix-xhieda mressqa minnhom. Iż-żewġ partijiet b’mod konsistenti xehdu li huma kienu tkellmu bejniethom qabel iż-żwieġ u ddeċidew li la jridu tfal miż-żwieġ tagħhom u lanqas riedu jbiddlu l-istil ta’ ħajja li kienu qabdu flimkien. 

Din il-Qorti semgħet kif il-partijiet kienu qabdu stil ta’ ħajja li kien jinkludi xorb, teħid ta’ sustanzi illeċiti u sess ma’ terzi persuni meta jattendu attivitajiet organizzati speċifikament għal dan il-għan, magħrufa bħala swinging parties. Mhux talli l-partijiet kellhom l-intenzjoni li jkompli b’dawn l-attivitajiet wara ż-żwieġ, talli l-pjanijiet tagħhom f’dan l-aspett saru aktar żviluppati billi bdew anke jsiefru appożitament għal dawn l-attivitajiet u anke bdew jorganizzawhom fir-residenza tagħhom.

Dawn l-elementi huma l-antetesis tal-kunċett taż-żwieġ skont il-liġi Maltija. Kemm il-liġi tagħna kif ukoll il-ġurisprudenza tirrikjedi li ż-żewġ konjugi jkunu jħobbu u jirrispettaw lil xulxin tant li jassumu l-obbligu tal-fedeltà u li jkollhom relazzjonijiet intimi, u esklussivament ma’ xulxin u ma ħadd aktar. 

Għalhekk huwa ċar kristall li l-partijiet daħlu fi żwieġ mingħajr m’assumew l-obbligazzjonijiet impost mill-istitut taż-żwieġ fosthom l-obbligu tal-fedeltà u li ż-żwieġ ikun miftuħ għall-ħajja u ċjoe li l-partijiet ikunu miftuħin biex fil-futur ikollhom it-tfal flimkien. Il-qorti iddikjarat iż-żwieġ bħal null. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport