Battalji biex nanniet jingħataw aċċess għan-neputijiet illum qegħdin isiru dejjem aktar komuni. Talbiet li jispiċċaw isiru minħabba kwistjonijiet li jinqalgħu bejn il-koppji, li jispiċċaw separati jew meta xi waħda mill-koppji tispiċċa nieqsa. Ħafna każi jispiċċaw quddiem il-qrati u oħrajn jibqgħu ibatu fis-skiet. Battalja li għaddejja bejn nanniet materni (tal-imm) u nanniet paterni (tal-missier) uriet it-tbatija li ġieli jgħaddu minnha it-tfal f’ambjenti diffiċli għalihom.
F’battalja legali li għaddejja fil-Qorti bejn nanniet materni u dawn paterni, f’każ fejn l-omm hi nieqsa, in-nanniet materni infurmaw li wieħed mill-ulied ġarrab mill-familja Paterna partikolarment mingħand in-nannu, u dan għax kien qaflu barra fil-qilla tax-xemx ta’ Awwissu ħafi u li kien anke waddablu bott sunblock. In-nanniet materni iddikjaraw li dan l-aġir sar għal xejn b’xejn għax it-tifel hu ubbidjenti. In-nanniet jgħidu ukoll li meta it-tfal kienu jmorru għand in-nannu patern, dan ġieli b’ton arroganti u aggressiv kien iċempel lil ommhom u jibda jgħajjat magħha u jgħidilha biex meta jmorru it-tfal imur minuri wieħed biss u mhux it-tnejn, għax hu ma jiflaħx għalihom it-tnejn.
F’din il-battalja legali, in-nanniet materni iddikjaraw li waqt li n-nanniet paterni qegħdin jipprovaw jagħmlu ta’ bir-ruħhom li qegħdin iħossu n-nuqqas ta’ dawn it-tfal, il-verità hi li l-familja paterna hija ddominata minn vjolenza domestika fid-dar, tant li n-nannu patern kien anke instab ħati mill-qorti.
Jgħidu li apparti l-kunċett ta’ vjolenza domestika, il-familja paterna hija wkoll iddominata mill-fatt li jippreferu lis-subien mill-bniet u li skonthom l-mara postha hija d-dar u li ma tiswa għal xejn ħlief biex iddur bir-raġel u trabbi l-ulied. In-nanniet materni qalu li dan id-diżrispett fil-konfront tal-ġens femminili ħareġ biċ-ċar fit-tieġ ta’ wieħed mill-ulied tan-nanniet paterni, fejn dan malli ra lil waħda mit-tfal irrefera għaliha bi kliem dispreġjattiv.
In-nanniet materni tkellmu fuq il-biża’ li għandhom it-tfal u ddikjaraw li din il-biża’ hija waħda evidenti b’tali mod li sa riċentement, meta t-tifel kien ma’ nannuh f’post partikolari, meta waqt li kien qed jipparkja l-karozza, in-nannu lemaħ tlett anzjani jitkellmu ħdejn ħanut u minn taħt l-ilsien lissen it-tħassib tiegħu dwar il-preżenza tan-nannu patern. Il-minuri intebaħ u minnufih staqsa lil nannuh jekk kienx hemm in-nannu l-ieħor. In-nannu matern staqsa lit-tifel jekk f’każ li jinzertawh xtaqx ikellmu, iżda l-minuri maħkum minn biża kbira beda jgħid lil nannuh “Nannu, jiena ma rridx inkelmu lin-Nannu, teħodnix lejh għax naqbad il-basket u nitlaq niġri kemm niflaħ.”
Familja karatterizzata minn vjolenza domestika
In-nanniet materni iddikjaraw ukoll li mhux biss il-familja paterna hija sinonima mal-vjolenza domestika u li l-mara u l-bniet ma jiswew xejn, iżda il-Qorti għandha tkun infurmata li l-familja paterna hija wkoll imdaħħla fiċ-ċirku tal-użu tad-droga fejn saħansitra hemm minnhom li nstabu ħatja b’sentenzi relatata ma’ dan l-abbuż partikolarment droga eroina u kokaina. Iddikjaraw li l-vjolenza tant tiddomina f’din il-familja.
F’dan il-każ waqt li n-nanniet paterni kienu qegħdin jitolbu l-aċċess għan-neputijiet, in-nanniet materni iddikjaraw li jirriżulta b’mod ċar li m’hemm ebda artikolu fil-ligi li jakkorda drittijiet ta’ aċċess lin-nanniet.
In-nanniet paterni iċċitaw diversi sentenzi fejn it-talba tan-nanniet sabiex jigu awtorizzati jagħmlu talba biex jingħataw aċċess għan-neputijiet ġiet milqugħa diversi drabi mill-Qorti. Minn naħa tagħhom, in-nanniet materni iċċitaw diversi sentenzi ukoll sabiex jiġġustifikaw l-oppożizzjoni tagħhom.
Il-Qorti fil-kunsiderazzjoni tagħha qalet li jirriżulta li l-Qorti Civili (Sezzjoni Familja) kellha diversi okkażjonijiet fejn esprimiet ruħha u għarfet li n-nanniet għandhom kull dritt li jitolbu li jingħataw aċċess għan-neputijiet, iżda madanankollu, jekk dak id-dritt jingħatax jew le jaqa’ fl-ambitu tal-mertu tal-kawża u kwalsiasi ezitu ser jiġi dejjem deċiż fuq dak li huma l-aħjar interessi tal-minuri.
Il-Qorti qalet ukoll li “sentenzi mill-Qrati ta’ Strasburgu bdew jirregolaw ruħhom mal-iżviluppi soċjali fejn il-Qorti żviluppat in-nozjoni ta’ “family life” kif ikkontemplata taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id- Drittijiet Umani. Il-Qorti inkludiet lin-nanniet bħala formanti parti mill-istruttura familjari.
Il-Qorti qalet li maż-żmien twessgħet l-interpretazzjoni u aċċettat li in linea mad-deċiżjonijiet ta’ Strasburgu, in-nanniet għandhom ikollhom ‘locus standi ‘sabiex jitolbu aċċess għan-neputijiet, peress li bħala nanniet jidħlu fil-kappa ta’ “family life” li m’għandhiex tkun ristretta biss għall-genituri. Intqal li però dan id-dritt mhux wieħed assolut.
Il-Qorti qalet ukoll li “għandu jigi rilevat fuq kollox li l-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet Umani, hija rratifikata u tifforma parti mil-liġijiet domestiċi u fuq kollox hija suprema ghad-drittijiet ikkontemplati fil-Kostituzzjoni Maltija. Għaldaqstant, li kieku l-Qrati Maltin ma josservawx id-decizjonijiet tal-ECtHR in kwantu jirrigwarda l-locus standi f’każijiet ta’ din in- natura, tkun qed tinħoloq ċirkostanza assurda fejn qed jigi injorat dak li huwa suprem u konsegwentement tkun qed tħejji t-triq għal ħafna kawżi, li wara li jiġu eżawriti r-rimedji domestiċi, ser jaslu quddiem il-ECtHR u ser taqleb id-deċiżjonijiet tal-Qrati Maltin fejn ikun il-każ li jiddeċiedu li m’hemmx locus standi għan-nanniet li jitolbu aċċess għan-neputijiet. Dan għandu jiġi evitat b’mod assolut. Il-Qorti iddeciedi billi ma laqgħetx l-eċċezzjonijiet tan-nanniet materni.