Fid-diskors tiegħu għal Jum ir-Repubblika, il-President ta’ Malta George Vella stqarr li għandna diversi sfidi, problemi u pjagi soċjali li proprju fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika, huwa b’responsabbiltà ġibed l-attenzjoni dwarhom fejn anke għamel diversi appelli biex ikunu indirizzat.
Vella beda biex qal li l-faqar, li llum il-ġurnata m’għadux daqstant mistur, fi kliemu “mhux faċli li jinqata’ għal kollox”. Id-diversi temi li tkellem fuqhom kienu dwar il-bdil fil-klima b’mod partikolari affettwat minħabba l-firxa ta’ bini u infrastruttura li għandna inkluż f’Għawdex; id-dewmien fil-proċeduri tal-qrati; l-imwiet ta’ ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol fejn semma’ u esprima dispjaċir għaż-żagħżugħ Jean Paul Sofia; kif ukoll għall-imwiet ikkważati minn inċidenti fit-toroq.
Il-President Vella kompla biex qal li f’pajjiżna hemm ukoll il-problema tat-traffiku fit-toroq kkawżat minn “wisq vetturi għaċ-ċokon ta’ pajjiżna” u nsista li jkun hemm l-ħarsien ta’ saħħet il-popku u l-ambjent ta’ madwaru “fil-ħajja mgħaġġla tal-lum”. Huwa sostna fl-importanza li nibqgħu viġilanti fuq iż-żgħażagħ tagħna biex dawn ma jirrikorrux għal konsum tal-alkoħol, għal-logħob tal-azzard u jaqgħu għat-theddida ta’ sustanzi kemm legali kif ukoll dawk illegali.
Wara l-qtil ta’ Bernice Cassar: “Għandu jkun hemm pieni ħorox
Dan il-President ma naqasx li jitkellem u jappella biex ikunu indirizzati realtajiet oħra kurrenti fosthom il-pjagi soċjali tal-bullying, il-fastidju sesswali u l-vjolenza domestiika.
Dwar din tal-aħħar, barra li semma’ l-aħħar vittma ta’ femiċidju Bernice Cassar, Vella stqarr li, “jiddispjaċini ngħid li l-vjolenza domestika hija mxerda aktar milli naħsbu… għandu jkun hemm pieni ħorox, edukazzjoni u jingħata s-sapport kollu lill-vittmi. Ebda kliem ta’ faraġ m’huwa se jġib lura lil din l-omm imma huwa dmir tagħna li naraw li ċ-ċirkostanzi ma jirrepetux ruħhom”.
Il-President ta’ Malta filwaqt li sellem u rringrazzja lill-volontarji kollha li għandna jaħdmu bla heda f’diversi setturi soċjali, tkellem dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn qal li bħala pajjiż aħna moralment obbligati li l-poplu u aktar, il-familjari tagħha, ikunu sodisfatti kif ħadmet il-ġustizzja. Fir-rigward huwa għaqqad ir-riforma tal-midja fejn filwaqt li saħaq fl-importanza tal-protezzjoni tal-ġurnalisti, talab li jkun hemm protezzjoni għaċ-ċittadini u biex jintlaħaq bilanċ ġust ħalli jgħin titwettaq il-ġustizzja u titħalla taħdem id-demokrazija.
Min-naħa tiegħu, Vella sostna li ma jridx jinstema’ negattiv fejn jagħti l-impressjoni li f’pajjiżna huwa kollox ħażin għax “għandna ħafna tajjeb” imma b’responsabbiltà qiegħed qajjem oqsma li “tort tagħna jew le rridu nirranġaw biex pajjiżna jkun aħjar”.